Tuesday, April 23, 2024

Waqfet mix-xogħol bl-ordni għax vulnerabbli… xhur wara ssir taf li temmewha l-impjieg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-bidu tal-pandemija f’pajjiżna, id-Dipartiment tas-Saħħa kien ħareġ ittri biex persuni vulnerabbli ma jattendux għax-xogħol. Dan sar biex huma ikunu protetti mill-Covid19.   Waħda minn dawn kienet Lina Tonna li kienet taħdem bħala ‘kitchen hand’ fid-dar tal-anzjani, Jasmine Nursing Home. Hi kient diġa qabżet l-età tal-irtirar meta inħarġet din l-ordni biex ma jmorrux għax-xogħol. L-impjegata damet wieqfa għal madwar tlett xhur u meta kienet tkellmet mal-manager dan kien ikkonfermaha li hi qiegħda fuq leave bla ħlas. Dan ovvjament sakemm tkun tista’ terġa’ tidħol għax-xogħol.  Kien għall-ħabta tat-30 ta’ Gunju tas-sena 2020, meta Fatima ċemplet lil Jasmine Nursing Home biex tgħidilhom li tista’ tidħol lura iżda b’sorpriża għaliha hi ġiet infurmata li l-impjieg tagħha kien intemm. Qalulha li l-impjieg intemm għax kienet  laħqet l-età tal-irtirar. Infumawha li t-terminazzjoni seħħet mill-1 ta’ April 2020, jiġifieri tlett xhur qabel, mingħajr ma hi kienet taf. Hi fetħet proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali u ngħatat kumpens ta’ €6,000.

Lina Tonna tgħid li “jien bdejt naħdem ma’ Jasmine Nursing Home Ltd u kont ‘kitchen hand’. Dħalt meta kelli xi 65 sena, li ovvjament kien ogħla mill-età ta’ meta wieħed jirtira bl-età.”

Tenfasizza li “meta bdiet il-pandemija COVID19, kont għadni fl-impjieg u għal xi żmien kelli nieqaf milli nattendi minħabba d-direzzjoni li ngħatat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u l-ittra li rċevejt mill-Isptar Mater Dei li jien kont waħda mill-vulnerabbli. Jien avżajt lill-Home b’dan iżda qatt ma tlabt li nieqaf mix-xogħol u malli stajt, kont għedtilhom li lesta mmur lura. Sa fejn niftakar, qatt ma kelli xi diskussjoni  dwar li kienu ser ineħħuni għax ma stajtx nattendi jew għax ma setgħux jgħaddu mingħajri bħala ‘kitchen hand’”.

Tiddikjara li “tant hu hekk, li kull meta ċempilt hemm kellimnt lil manager u ikkonfermali li jien qiegħda fuq leave bla ħlas. Kien għall-ħabta tat-30 ta’ Ġunju tas-sena 2020, li jien ċempiltilhom u għedtilhom illi nista’ nidħol lura u kien f’dak iż-żmien li ġejt itterminata għax kont ilħaqt l-età tal-irtirar, u li t-terminazzjoni seħħet mill-1 ta’ April tas-sena 2020, kif jidher fil-karta tal-JobsPlus.”

Tkompli tgħid li “minn dak li qrajt fil-karti li ngħataw, rajt illi skont il-Home, qalu li ma setgħux jgħaddu mingħajr ‘kitchen hand’ għax kellhom ikunu ‘all hands on deck’. Però, mill-karta tal-Jobs Plus, jidher li allavolja jgħidu li kellhom jimpegaw lil xi ħadd minnufih, ma hemm ħadd li ġie impjegat fil-kariga ta’ ‘kitchen hand’ wara li spiċċajt jien, għax l-uniċi karigi li jidhru li daħlu xi nies fihom huma ta’ ‘receptionist’ u xi ‘health assistants’.” 

Hi kienet taħdem fuq bażi  ‘part-time’, iżda kienet taħdem 32 siegħa. Iddikjarat li kienet taħdem ‘daqs full-time’. Kompliet tixhed li kemm damet hemm, kienu jafu li hi diġà kienet qabżet il-wieħed u sittin sena, u din qatt ma kienet problema għalihom.

Fix-xhieda tagħha, Angelle Buhagiar, Direttrici  ta’ Jasmine Nursing Home qalet li “Lina Tonna ma setgħetx tkompli fl-irwol li kellha. Min naħa tagħna peress li noperaw dar ta’ l-anzjani ridna illi jkollna xi ħadd minflokha biex ikompli jagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel hi. Hi, peress li hija persuna vulnerabbli ovvjament aħna fhimna perfettament f’dan il-każ, minhabba li l-pandemija tolqot l-iktar il-persuni vulnerabbli, hi ma setgħetx tkompli f’dan ix-xogħol. Aċċettajna li tieqaf mix-xogħol. Ippreżentajnielha ċekk ovvjament bid-differenza tal-leave u tan-notice period li kellha. Però dan iċ-ċekk wasal għand l-Avukat. Sa l-aħħar li ċċekkjajt jiena, ma kienx imsarraf”.

It-Tribunal qal li ma setax ma jinnotax, u dan ħareġ ċar anki mix-xhieda kemm tas-Soċjetà Intimata u kemm tar-Rikorrenti, illi ir-relazzjonijiet bejniethom kienu eċċellenti u qatt ma kien hemm problemi. Il-prestazzjoni tagħha fuq ix-xogħol ukoll kienet tajba u mingħajr inkwiet. Kienet ir-rikorrenti stess li infurmat lis-Soċjetà Intimata li wara ittra li irċeviet mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, kienet ikkunsidrata bħala ‘persuna vulnerabbli’. 

It-Tribunal huwa tal-fehma li s-Soċjetà Intimata setgħet solviet din il-problema b’mod sodisfaċenti għaż-żewġ naħat u ma kellhiex għalfejn tittermina l-impjieg tar-ikorrenti.  It-Tribunal qal li hu tal-fehma illi r-raġuni kif mogħtija fid-dokument tal-Jobs Plus, jiġifieri li r-rikorrenti ġiet terminata minħabba li laħqet l-età tal-pensjoni mhix waħda li tirrispekkja l-verità tal-fatti. Apparti minn hekk, mhix kontrastata x-xhieda tar-rikorrenti illi hija ġiet mogħtija l-impressjoni li qiegħda fuq leave bla ħlas. 

It-tribunal iddeċieda li t-tmiem ta’ l-impieg kien wieħed inġust u mhux skont il-Liġi. Iddikjara li  għandha tingħata kumpens ta’ €6,000. 

Sport