Friday, November 15, 2024

IL-PREZZ TAT-TELEKOMUNIKAZZJONI

Aqra wkoll

Il-konsumatur normali ilu jħoss li l-prezzijiet tat-telekommunikazzjoni huma għoljin.  Biss l-ammont ta’ tgergir ma kienx daqshekk għoli minħabba l-flus fil-but li kellu.  Il-bniedem l-aktar li jħossu konsumatur hu meta jkun hemm l-għoli tal-ħajja tiela’ ‘l fuq. Il-Malti mhux differenti.

Il-konsumatur bħalissa qed iħoss l-għoli tal-ħajja minħabba l-gwerra fl-Ukranja u minħabba li ħafna negozji sabu l-opportunita’ biex jgħollu l-prezzijiet.  Fost dawn tal-aħħar insibu l-qasam tat-telekommunikazzjoni.  F’dan il-qasam ilna nistennewha din iż-żieda, speċjalment minn meta l-UE ħabbret li d-deċiżjoni li l-prezzijiet tat-telefonija meta tkun qed iċċempel għal ġo pajjiż ieħor tal-UE ma jogħlewx aktar minn telefonija ġo pajjiżek.  Din kienet id-deċiżjoni riċenti dwar ir-roaming.  

Meta jiġri hekk, it-tendenza hi li l-kumpaniji mhux iraħħsu l-prezzijiet ta’ meta int iċċempel barra imma jieħdu l-opportunita’ li jgħollu l-prezzijiet ġo pajjiżhom.  Din mhux l-ewwel darba li ġrat speċjalment f’Malta.  Meta l-UE kienet iddeċidiet li, peress li l-UE hu suq wieħed, meta int tkun ser tittrasferixxi l-flus minn bank ġo pajjiżek għal ġo bank ġo pajjiż ieħor ġol-UE, il-prezz għandu jkun l-istess prezz ta’ meta tkun qed tittrasferixxi ġo bank ieħor ġo pajjiżek stess.  Li ġara kien li l-ebda bank f’Malta ma pprotesta għaliex li għamlu ħadu l-opportunita’ biex iżidu l-prezzijiet f’Malta.  Dan narawh mill-qligħ li għamlu anki meta kien hawn il-pandemija għax għollew iċ-charges.

Il-qasam tat-telekommunikazzjoni hu simili.  Dan l-aktar possibli minħabba d-deċiżjoni tal-UE li kumpaniji fit-telekommunikazzjoni jistgħu jgħollu l-prezzijiet anki meta l-prezz ikun parti minn kuntratt ma’  konsumatur.  

Dan l-aħħar il-kumpaniji tat-telekommunikazzjoni għollew il-prezzijiet li laqtu ħafna nies speċjalment lil dawk li kienu jħallsu jew bil-flus kontanti, jew biċ-ċekk jew online.  

Il-Ministru responsabbli mill-konsumaturi talbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fl-MCCAA biex jistħarrġu din iż-żieda.  Nieħu din l-opportunita’ biex nirringrazzja lill-Ministru Julia Farrugia Portelli, il-Ministru responsabbli li ħadet din l-azzjoni.  Qed ngħid hekk għaliex, fl-opinjoni tiegħi, ilna mid-90ijiet li kellna Ministru li verament kellu interess fil-konsumatur.    

L-għada l-kumpanija GO ħarġet tgħid li mhux vera għolliet il-prezzijiet għaliex dawn iż-żidiet kienu diġa’ hemm – sempliċiment ma kienux fil-prezz li jsemmu l-kumpaniji meta jirreklamaw.  Hawn inħoss li l-GO tefgħu l-ġebla fuq saqajhom għaliex qed jammettu li l-konsumatur anki qabel kien qed iħallas dawn il-flus – sempliċiment li ma kienux imdaħħlin fil-prezz li jiġi reklamat.  Dawn kienu jkunu moħbija fir-regolamenti tal-kumpaniji.  Nitkellem ċar, għalija dan hu qerq.  Din l-affari mhux biss il-GO kienu qed jagħmluha imma t-tliet kumpaniji li bejniethom jikkontrollaw is-suq Malti f’dan il-qasam.  

Infakkar li l-Għaqda tal-Konsumaturi ilha żmien twil li nnotifikat l-Uffiċċju tal-Konsumaturi, fi ħdan l-MCCAA biex tieħu azzjoni għax dawn il-kumpaniji qed iqarrqu bil-konsumaturi għaliex mhux qed jirreklamaw il-prezz vera li jkollu jħallas il-konsumatur.  Din mhux l-unika charge li hemm moħbija għaliex hemm kumpaniji li lanqas il-VAT ma kienu qed jinkludu.  

Il-prezz mhux l-unika ħaġa li hemm.  L-Għaqda semmiet ukoll li ma taqbilx mal-proċeduri li jużaw dawn il-kumpaniji meta jkunu ser idaħħlu konsumatur f’kuntratt.  Hemm affarijiet oħra, f’oqsma oħra, li aħna talbna enforcement (ara http://camalta.org.mt/enforcement-raised-issues/). Biss s’issa l-Għaqda għadha ma semgħet xejn minn dan l-Uffiċċju.  Hu għalhekk li fraħt lill-Ministru għaliex b’dak li għamlet uriet li għandha interess u lesta li tara li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu mħarsa.  

Ekonomija

Sport