Tuesday, April 30, 2024

“Il-prezzijiet vera għolew minn barra imma hemm min qed jieħu l-opportunità biex jagħmel aktar qligħ”

l-Għaqda tal-Konsumaturi dwar iż-żieda fil-prezzijiet

Aqra wkoll

“Il-prezzijiet huma xi ħaġa li tolqot lill-konsumaturi u għalhekk ukoll lill-Għaqda. Il-prezzijiet vera qed jogħlew minn barra imma hemm ukoll min qed jieħu l-opportunità biex jagħmel aktar qligħ billi jgħolli aktar il-prezzijiet milli jkunu għolew minn barra” Qalet dan l-Għaqda tal-Konsumaturi fi stqarrija li ħarġet dwar iż-żieda fil-prezzijiet u l-ħtieġa ta’ azzjonijiet effettivi biex ikunu protetti l-konsumaturi”.

L-Għaqda żiedet tgħid li l-prezzijiet tal-prodotti u servizzi għandhom effett fuq l-għoli tal-ħajja u l-kwalita’ tal-ħajja. Qalet li bħalissa għaddejjin minn fażi li la nafu kif ser tiżviluppa u lanqas meta ser tintemm. Għalhekk importanti li jittieħdu passi biex l-abbużi jinqatgħu. L-abbużi barra l-konsumaturi jaffettwaw lin-negozji oħra għaliex inkunu qed inpoġġu lil kulħadd fl-istess keffa.

“Biss anki fl-abbużi hemm differenza. Li negozju jabbuża fuq il-prezz ta’ oġġett jew ta’ servizz ikun qed jagħmel il-ħsara sew lill-konsumaturi u anki lis-settur tan-negozju tiegħu. Imma li negozju jabbuża minn pazjenti li jkollhom mard serju, meta anki f’pajjiżi oħra l-prezz tal-mediċina baqa’ l-istess, hi xi ħaġa kundannabbli minkejja li minħabba suq ħieles legalment ma jista’ jmissu ħadd” Qalet l-Għaqda.

ija saħqet li huwa importanti li jittieħdu azzjonijiet. F’każi bħal dawn azzjonijiet legali ma jiswew xejn għaliex tant jieħdu żmien li l-azzjoni ma tkun tiswa xejn għall-konsumaturi. Hu għalhekk importanti li l-Awtoritajiet responsabbli jkunu aktar ħabrieka biex jaraw kif jistgħu jsolvu l-problemi.

L-Għaqda dan l-aħħar innutat żewġ azzjonijiet mill-Ministeru responsabbli mill-konsumaturi. Fil-fatt dan l-aħħar kien hemm żewġ interventi mill-Ministru Julia Farrugia Portelli li kienu importanti għall-konsumaturi. L-aħħar sitwazzjoni kienet fuq il-prezz ta’ mediċina li tintuża min-nies li għandhom cancer. F’daqqa waħda l-prezz tagħha tela’ għal madwar 8 darbiet iktar milli kienet qabel. Kien l-intervent tal-Ministru li reġa’ ġab il-prezz fejn kien.

Qabel kien hemm sitwazzjoni oħra fejn it-tliet kumpaniji tat-telekommunikazzjoni li jiddominaw is-suq Malti għollew il-prezzijiet. L-azzjoni tal-Ministeru mhux biss kienet biex l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jinvestiga imma kien hemm azzjoni biex sakemm tittieħed deċiżjoni l-prezzijiet jerġgħu jmorru lura fejn kienu. Dan minkejja li primarjament din mhix funzjoni li hi responsabbilta’ ta’ Ministeru.

Fuq din il-kwistjoni l-Għaqda ħadet żewġ azzjonijiet – waħda mal-Bank Ċentrali biex twaqqaf surcharges meta konsumaturi jħallsu b’card elettronika u l-oħra talba lill-Gvern biex jgħaddi liġi li konsumaturi ma jħallsux surcharge meta jħallsu bi flus kontanti legali.

“Filwaqt li nkomplu nħeġġu l-Ministru biex tkompli taħdem biex ma jkunx hemm żidiet żejda fil-prezzijiet, l-Għaqda tħeġġeġ biex l-awtoritajiet li twaqqfu biex jaraw li s-settur tagħhom qed jaħdem sew, jieħdu aktar interess u azzjonijiet biex jiddefendu lill-konsumaturi. Anzi għandhom ikunu huma li barra li jiġbdu l-attenzjoni tal-Ministeru jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex iwaqqfu dawn l-abbużi” Għalqet l-istqarrija tagħha l-Għaqda tal-Konsumaturi.

Sport