Tuesday, April 16, 2024

Bulgaru jinżamm arrestat wara li nqabad bi 38 kilo droga moħbija fil-vann

Aqra wkoll

Bulgaru ta’ 28 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ sejba ta’ 38 kilo droga suspettata kokaina, eroina u kannabis sabiex tkun ittraffikata f’Malta, bil-valur tad-droga fis-suq hu stmat li jlaħħaq madwar €1.5 miljun.

Mustafa El Madhoun kien mixli b’importazzjoni u pussess ta’ droga, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Tard il-Ħadd filgħaxija, investigazzjoni b’suċċess wasslet biex il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kissret ċirku internazzjonali ta’ traffikar tad-droga. 

Din l-Iskwadra rċeviet informazzjoni dwar vann li kien għadu kemm telaq minn Sqallija lejn Malta u allegatament kien qed iġorr id-droga.

Malli wasal minn Pozzallo, permezz ta’ kelb mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija, is-suspett kien ikkonfermat hekk kif il-kelb indika li hemm xi ħaġa suspettuża.

Il-vann imbagħad kien skortat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit lejn il-garaxx tal-Pulizija, il-Floriana u fil-preżenza tal-Bulgaru, il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wettqet tfittxija fil-vann, fejn irriżulta li parti minnu kellu kompartamenti foloz. Wara li ġie żarmat il-ħadid, kien hawn li nstabet id-droga, maqsuma f’diversi boroż – 5kg kokaina, 4kg eroina u 29kg kannabis.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech filwaqt li l-imputat kellu jassistuh lill-Avukati Josè Herrera u Charles Mercieca. 

Ekonomija

Sport