Sunday, December 22, 2024

“Il-prijorità tagħna għandha tkun dejjem iffukata fuq it-tfal”

- l-Avukat tal-Familja u Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-prijorità tagħna għandha dejjem tkun iffukata fuq it-tfal. Huwa għalhekk li jekk din id-deċiżjoni hija tajba għall-ulied, mela hija deċiżjoni tajba. 

Dan qalitu l-Avukat tal-Familja u Deputata Laburista Dr Amanda Spiteri Grech f’kummenti ma’ dan is-sit b’reazzjoni għall-ewwel laqgħa pubblika b’rabta mar-riforma fil-Qorti tal-Familja, li fiha ġew diskussi bosta temi speċifiċi fosthom l-aċċess u l-manteniment, proċeduri aħjar fil-Qorti tal-Familja, il-kura u l-kustodja u l-co-parenting u parental alienation.

Dr Spiteri Grech saħqet li l-proċeduri ta’ separazzjoni jafu jkunu esperjenza qarsa  mimlija emozzjonijiet u iebsin għall-familja kollha u li hu fatt magħruf li hemm bżonn ta’ riformi importanti ħafna fil-Qorti tal-Familja. 

Hija kompliet tenfasizza li wieħed irid iżomm f’moħħu li dan hu qasam delikat immens u li kull familja għandha ħtiġijiet differenti minn oħra. Qalet ukoll: “il-ħsibijiet ta’ dawk imġarrba jew b’xi mod messu magħha nġabru flimkien bil-għan li l-Gvern jisma’ l-ħsibijiet tagħhom qabel jiġi mniedi dokument għall-konsultazzjoni pubblika”.

Saħqet li bħala avukat tal-familja u li taħdem fil-qrib f’dan il-qasam,  tispiċċa tara diversi sitwazzjonijiet delikati li jkunu inġusti u jġibu għajb lis-soċjetà. Fil-fehma tagħha, li hu żgur hu, li proċeduri li jtawwlu ħafna, minħabba piki esaġerati ta’ bejn il-partijiet jafu jwasslu għal ħafna tbatija li qed timmarka lil siversi familji u sussegwentament lis-soċjetà. 

Meta mistoqsija x’inhuma l-bidliet tant meħtieġa, Dr Spiteri Grech qaltilna li jeħtieġ li l-Qorti tal-Familja speċifikata li jkollha żmien speċifiku meta s-smigħ jibda u jintemm f’data prospettiva meta l-proċeduri jintemmu, li jittieħdu l-miżuri neċessarji min-naħa tal-Qorti jekk l-istess Qorti tinnota li xi parti qed itawwal l-imessmija proċeduri inutilment u li jkun hemm formula ta’ kif jiġi kkalkulat il-manteniment u dan jiġi ikkalkulat abbażi fuq kif jitqassam l-aċċess bejn il-partijiet.

Dwar dan, hija kompliet tgħid li m’għandux ikun hemm diffikultà li jkun hemm aċċess b’mod ugwali bejn il-ġenituri għax l-ebda ġenitur m’għandu jiġi prekluż li jkollu aċċess ma’ uliedu sakemm ma jkunx hemm raġunijet validi u serji u tajjeb li jkun hemm smigħ ta’ darba quddiem l-imħallef jew bord speċifiku biex jiġu iċċarati il-punti li ma hemmx qbil fuqhom, sabiex b’hekk jiġu eliminati ħafna piki li mhux se jwasslu għal imkien. 

Dr Spiteri Grech qalet; “Irridu naraw li jitħarsu dawn il-partijiet l-aktar vulnerabbli għax ilkoll nafu li xi drabi jsiru diversi manuvri min-naħa jew minn oħra. Għandek nies li jkollhom dipendenza finanzjarja u ma jkunux jistgħu jikkonfermaw l-istat finanzjarju tagħhom anke jekk hemm il-komunjoni tal-akkwisti. Għandu jiġi ssudat u jingħata rwol aktar ampju u miftuħ l-avukat tat-tfal. Trid ingħata aktar vuċi lit-tfal rigward l-aċċess mal-ġenituri”. 

Tenniet li min għandu aċċess għat-tfal, għandu jirrispetta l-ħinijiet u jmur fil-ħin u mhux b’mod kapriċċuż ma jmurx għalihom biex jimpika mal-parti l-oħra. Dan l-aċċess m’għandux jibqa meqjus bħala dritt iżda ukoll bħala dmir,  b’dan illi r-regoli li japplikaw għal min jagħti l-aċċess jgħoddu ukoll għal min hu intitolat għall-istess aċċess. 

Temmet li trid issir diskussjoni serja dwar il-ħlasijiet ta’ saħħa u edukazzjoni u kif dawn jiġu irkuprati jekk ma jingħatawx u li tiġi żgurata l-għajnuna kollha meħtiġa meta jkun hemm tfal b’diżabilita’ jew ħtiġijiet differenti. 

“Il-Gvern irid jassigura li din ir-riforma twassal biex ikollna ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva”

Riforma li għandha l-għan tindirizza realtajiet li ntmessu l-aħħar fl-2003

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li r-riforma fil-Qorti tal-Familja għandha l-għan li tindirizza realtajiet li l-aħħar li ntmessew kienu f’tentattiv ta’ riforma fl-2003. 

Il-Ministru Attard qal li sal mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura huwa ltaqa’ ma’ diversi persuni li qasmu miegħu l-esperjenzi li għaddew jew kienu għaddejjin minnhom. Qal li dawk l-esperjenzi kienu l-pedament tal-ħidma li kienet qiegħda titwettaq minn kumitat tekniku, li wasal għall-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan is-settur tant sensittiv u importanti.

Dan sabiex fejn huwa possibbli dawk ir-realtajiet ikunu mmitigati, biex dawk il-varji rapporti li saru matul is-snin u dawk ir-rakkomandazzjonijiet li saru minn diversi għaqdiet, jibdew jiġu konkretizzati f’emendi leġiżlattivi. 

“Dik hija l-ħidma li wasslitna għal dan il-punt u minn hawn irrid nieħu l-okkażjoni nirringrazzja lil kull min bl-esperjenza mġarrba jew bl-għarfien fuq is-suġġett ta l-kontribut tiegħu f’din il-ħidma,” tenna l-Ministru Attard.

Żied jenfasizza li “waħda mill-proposti ċentrali hija dik li jkollna Qorti tal-Familja vera u proprja. Forsi tgħiduli imma l-Qorti tal-Familja diġà teżisti. Imma tajjeb niċċaraw li dik eżistenti hija sezzjoni fil-Qorti Ċivili. Il-fatt li naslu biex ikollna qorti tal-familja ad hoc u speċjalizzata fuq dan is-settur jagħtina l-fakultà li nħarsu eventwalment lejn riformi fiż-żmien li ġej li jistgħu jsaħħu u jamalgamaw realtajiet li jkollhom diversi familji, inkluż sitwazzjonijiet ta’ proċeduri marbuta mal-aspett ċivili bħalma huma s-separazzjonijiet, il-kura u l-kustodja u l-manteniment fost l-oħrajn u anke każi ta’ vjolenza ta’ domestika.”

Dan jista’ jwassal mhux biss bix tiżdied l-effiċjenza imma anke kwalità u ġustizzja fid-deċiżjonijiet. Żied jgħid li qed iħarsu wkoll lejn riforma li tivvalorizza l-ħidma tal-ħaddiema u l-professjonisti fis-settur għax is-servizz tagħhom mhux biss jassigura aċċess għall-ġustizzja, imma wkoll ikompli jsostni l-ħidma lejn Ġustizzja aktar effettiva u effiċjenti.

Huwa temm jgħid li l-Gvern irid jassigura li din ir-riforma twassal biex ikollna ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva iżda wkoll li tirrispondi b’aktar aġilità lejn in-neċessitajiet tas-soċjetà tal-lum. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li r-riforma fil-Qorti tal-Familja hi riforma li trid issir b’mod regolari. “Qed nitkellmu fuq il-ħajja tan-nies b’mod dirett. Bħala gvern impjenati li nagħmlu t-tibdil li għandu jsir biex naraw il-familja tagħna aħjar milli hi llum,” sostna l-Ministru Falzon.

Ekonomija

Sport