Tuesday, December 24, 2024

“Il-Prim Ministru gideb quddiem poplu sħiħ” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda billi qal li mhux se jkun kritiku tal-Prim Ministru u se jħalli n-nies jiġġudikaw. Huwa qal li pero għandna nirrealizzaw ftit x’qed jiġri u x’qed jintqal fil-kuntest ta’ Prim Ministru ta’ pajjiż f’emerġenza tas-saħħa. Delia qal li l-Prim Ministru Robert Abela qed jipprova jagħżel il-firda, f’mument importanti li jeħtieġ aktar minn qatt qabel li jkun hawn għaqda.

“Nesa Robert Abela li jien l-ewwel wieħed għamilt tliet snin ngħid dwar l-over popluation u li m’għandniex aktar post? Imma ma jfissirx għax jien għandi prinċipju li ma niflaħx aktar nies allura nħallihom jerqu. L-argumenti huma totalment differenti,” qal Delia.

Huwa żied jgħid, “L-iktar ħaġa importanti, li fl-aħħar 48 siegħa assistejna li jaf id-differenza u għażel biex b’mod deliberat ipprova jitfa iktar fjuwil fuq in-nar tal-biża’, tar-razziżmu, biex jabbuża minn dawk is-sitwazzjonijiet biex jifred lill-pajjiżna f’mument li pajjiżna jridu jkun aktar magħqud minn qabel.”

Delia qal li bħala Oppożizzjoni mhux se jaqgħu fit-tentazzjoni biex l-iżbalji tal-Gvern jitfagħhom fuq il-Pulizija jew l-Armata. “Aħna nsellmu lill-Pulizija u membri tal-Armata, aħna nikxu l-qerq tal-Gvern.”

Delia żied jgħid li l-eluf ta’ barranin li hawn f’pajjiżna ma ġewx mid-dgħajjes imma għax il-Gvern stedinhom bir-riklami fuq gazzetti barranin biex jiġu f’pajjiżna. “Għażel għal 6 snin sħaħ biex jimporta l-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Issa għax qed jinduna li din hija opportunità li jilgħab biex jilgħab karta, qed jagħmel dan.”

Delia sostna li l-Prim Ministru għażel li jipprova jpoġġi l-kliem biex jagħti l-impressjoni li bħala Oppożizzjoni qed jattakkaw lis-suldati. “Qed jilgħab il-logħba partiġġjana. Prim Ministru ta’ pajjiżna fil-ġurnata li ħareġ fuq it-television u qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel akkużi serji, gideb quddiem poplu sħiħ. Bħala fatt gideb 7 darbiet.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni aċċenna għall-fatt li għaddew xhur u għadu ma ġiex maħtur il-Kummissarju tal-Pulizija. “Kummissarju li kien f’konfoffa. Imma l-Oppożizzjoni billi tikkritika l-kompliċità tiegħu biex jagħtti l-kriminalità, ma jfissirx li tkun qed tnaqqas il-valur tal-Pulizija. Aħna rridu forza tal-Pulizija b’saħħitha. Il-Labour fehem x’inhi d-demokrazija imma ma jridix. Il-Gvern għandu kontroll biex jagħmel brainwash fuq il-poplu.”

Delia żied jgħid, “Il-PM għadu ma ġiex biex jiddibatti dwar il-€260 miljun biex suppost ikollna 900 sodda li kieku qegħdin għad-dispożizzjoni tagħna u ma kienx hemm għalfejn biex nagħmlu dawn l-isforzi sopraumani. Mhux qed nikkritika l-awtoritajiet tas-saħħa. Dawk il-€260 miljun tahom lill-barranin li ma tawna xejn. Aġir kriminali u immorali.”

Ekonomija

Sport