Il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi safa maqbud fuq flyover għal xejn inqas minn 20 minuta waqt protesti li żvolġew ġewwa Punjab. Din qiegħda tkun ikkunsidrata bħala falliment kbir min-naħa tat-tim tas-sigurtà.
Il-protesti kienu qed isiru minħabba li tifel ta’ ministru fil-kabinett allegatament kellu x’jaqsam mal-mewt ta’ bdiewa. Fid-dawl ta’ dak li seħħ, il-ministru federali tal-affarijiet interni qal li dan kien falliment totali min-naħa tas-sigurtà offruta lill-Prim Ministru ġewwa Punjab.
Min-naħa tiegħu l-ogħla ministru ta’ Punjab, Charanjit Singh Channi, qal li l-falliment ma kienx min-naħa tal-gvern tiegħu. Channi qal li huma kienu qalu lill-forzi tas-sigurtà fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru biex iż-żjara lejn Punjab titħassar minħabba temp ħażin u protesti. Huwa tenna li l-uffiċjali tas-sigurtà ta’ Punjab ma kellhom l-ebda informazzjoni li sar tibdil fir-rotta li kien se jieħu l-Prim Ministru u għalhekk ma kien hemm l-ebda żbalji min-naħa tas-sigurtà li joffri l-gvern tiegħu.