Friday, April 19, 2024

Tennis: Tkompli tikkomplika ruħha s-sitwazzjoni ta’ Novak Djokovic

Aqra wkoll

L-istilla tat-tennis, Novak Djokovic, kellu l-viża tiegħu biex jidħol l-Awstralja revokata b’mod drammatiku mal-wasla tiegħu f’Melbourne.

In-numru wieħed tad-dinja nżamm fl-ajruport tal-belt għal diversi sigħat qabel ma l-forzi tal-fruntiera ħabbru li ma kienx issodisfa r-regoli tad-dħul u eventwalment ġie wkoll deportat.

Huwa wasal f’dan il-pajjiż ġurnata wara li ngħata eżenzjoni mir-regoli tat-tilqim biex jilgħab fl-Australian Open.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal li ħadd ma kien ‘il fuq mir-re­goli, u Djokovic huwa rrappurtat li qed jisfida d-deċiżjoni.

Ftit wara l-wasla tiegħu f’Melbourne, l-awtoritajiet innutaw li t-team tiegħu ma kienx talab viża li tippermetti eżenzjonijiet mediċi talli ma jkunx imlaqqam. Djokovic ma tkellimx dwar l-istat tat-tilqim tiegħu, iżda s-sena l-oħra qal li kien “kontra t-tilqim”.

Mhux ċar jekk il-player hux se jibqa’ l-Awstralja filwaqt li l-avukati tiegħu jippruvaw iwaqqgħu d-deċiżjoni.

Fi stqarrija, il-Forza tal-Fruntiera Awstraljana qalet li Djokovic “naqas milli jipprovdi evidenza xierqa biex jissodisfa r-rekwiżiti tad-dħul fl-Awstralja, u l-viża tiegħu ġiet sussegwentement kanċellata.

“Min mhuwiex ċittadin li ma jkollhomx viża valida mad-dħul jew li kellhom il-viża tagħhom ikkanċellata se jinżammu u jitneħħew mill-Awstralja,” żiedet.

Il-Ministru tas-Saħħa Awstraljan, Greg Hunt, qal: “L-Awstraljani kellhom jagħ­mluha iebsa, u l-Awstraljani f’ħafna stati u territorji differenti jridu juru r-rekord tat-tilqim tagħhom … mhuwiex raġonat li jkollhom eżattament l-istess rekwiżiti ta’ dawk kollha li jidħlu f’dan il-pajjiż.”

Il-Prim Ministru, Scott Morrison, għamel tweet: “Ir-regoli huma regoli, speċjalment meta niġu għall-fruntieri tagħna. Ħadd mhu ‘l fuq minn dawn ir-regoli.”

It-trattament tiegħu qanqal għajb f’paj­jiżu s-Serbja. Missieru, Srdjan Djokovic, qal li ibnu kien f’kamra mgħasses mill-pulizija.

“Din mhix biss ġlieda għal Novak, iżda ġlieda għad-dinja kollha,” qal fi stqarrija lill-midja.

Il-President Aleksander Vucic qal li l-istilla kien vittma ta’ “fastidju”, u li “s-Serbja kollha”, appoġġatu.

“M’għandu jkun hemm l-ebda regoli speċjali għal Novak Djokovic,” tenna Morrison.

L-Awstralja qed tara għexieren ta’ eluf ta’ każijiet ta’ Covid-19 għall-ewwel darba wara li ġarrbet xi wħud mir-restriz­zjonijiet l-aktar stretti fid-dinja. Iktar minn 90% tal-popolazzjoni Awstraljana ta’ aktar minn 16-il sena hija kompletament imlaqqma, iżda xi nies għadhom ma jistgħux jivvjaġġaw bejn l-istati jew globalment minħabba l-miżuri attwali.

Ħafna Awstraljani qabel kienu akkużaw lill-gvern li ħalla lis-sinjuri u l-famużi jagħmlu li jridu filwaqt li n-nies ordinarji baqgħu separati mill-maħbubin morda u li qed imutu.

L-Australian Open se jibda fis-17 tax-  xahar f’Melbourne Park. Djokovic rebaħ dan it-tournament disa’ darbiet.

Sport