Waqt dibattitu fil-Parlament dwar il-mozzjoni mressqa mill-Gvern li trattat is-Saltna tad-Dritt f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela appella għal sens t’għaqda nazzjonali sabiex episodji bħal dak li rajna t-Tlieta li għadda fil-Parlament Ewropew ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.
Huwa fakkar li jekk jerġa’ jkun hemm azzjonijiet bħal dawn fil-PE, fin-nofs hemm il-ħobża ta’ kuljum taż-żgħażagħ, l-għajxien tal-pensjonanti, in-negozji li fl-aħħar snin għamlu tant investimenti għax emmnu f’dan il-pajjiż u huma dawk li jistgħu jiġu perikolati.
Dan id-dibattitu fil-Parlament Malti sar b’reazzjoni għar-riżoluzzjoni u d-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta li kien imbuttat mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Partit Popolari Ewropew.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru saħaq li d-dibattitu fil-PE għamel ħsara kbira lil pajjiżna għalxejn. Huwa esprima d-diżappunt tiegħu meta jisma lill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa juża l-frażi li kellha “backsliding” fis-Saltna tad-Dritt. Qal li r-realtà tal-fatti turi xort’oħra.
Dr Abela kompla billi staqsa: “Jekk in-naħa l-oħra għandha tħassib fuq il-qagħda tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, jekk temmen li hemm fejn intejbu iżjed, għaliex dibattitu bħal dak tat-Tlieta? Ma ġejtux hawn f’din il-Kamra u niddibattuh bejnietna? Għaliex emmintu li kellkom tmorru barra minn xtutna u ddaħħlu Membri Parlamentari Ewropej, ġejjin minn pajjiżi oħra, jgħidulna skont intom x’għandna nagħmlu?”.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fil-bosta riformi li twettqu minn dan il-Gvern biex isaħħaħ is-Saltna tad-Dritt. Semma fost oħrajn il-bidla fil-mod kif tinħatar il-Ġudikatura, kif jinħatar il-Prim Imħallef u kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija. Qal ukoll li llum għandna 40% aktar Maġistrati u Mħallfin b’kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom.
“Ħloqna l-Qorti Kummerċjali. Ħloqna binja ġdida għall-Maġistrati Inkwerenti u għall-ewwel darba għandna erba’ Maġistrati ddedikati biss għas-smigħ u t-tmexxija tal-inkjesti maġisterjali. Għamilna riforma fl-inkjesti Maġisterjali,” kompla jispjega l-Prim Ministru.
B’rabta ma’ dan, Dr Abela fakkar kif kien implimentat ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja fejn kienu elenkati numru ta’ miżuri fis-sistema olistika tal-governanza ta’ pajjiżna, li wassal ukoll biex illum għandna l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa rrimarka wkoll kif se jkun qed imur Brussell u l-ħsara li saret it-Tlieta jsewwiha u jerġa’ għal darba oħra jagħmel dan “għax għandna l-kredenzjali korretti. Fl-Ewropa jafu x’inhuma l-kredenzjali korretti tagħna,” tenna l-Prim Ministru.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, Dr Abela saħaq li d-dibattitu fil-PE dwar Malta “sar għalxejn” kif wara kollox iċċertifikat il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea, l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali u tant u tant istituzzjonijiet li minn żmien għal żmien jagħmlu reviżjoni dwar is-sistemi istituzzjonali ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg akkuża lill-Gvern bħala li huwa reattiv u mhux pro-attiv u li skontu moħħu biss fl-azzjonijiet u l-proposti tal-Oppożizzjoni. Qal li l-Gvern ried akkost ta’ kollox iressaq il-mozzjoni sabiex itellef lilu milli jattendi għas-Summit tal-Grupp tal-EPP fi Brussell.
“Robert Abela dan id-dibattitu messu għamlu ġurnata oħra mhux illum l-Erbgħa meta jaf li l-Ħamis hemm is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, l-ewwel summit li kont se nattendi bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Prim Ministru jiena ma nistax immur għal dan is-summit għax m’għandix il-vantaġġ bħalma għandek int fit-8.00 p.m. għandek private jet biex tmur għall-Kunsill Ewropew,” qal Dr Borg.
Kien hawn fejn il-Prim Ministru intervjena u kkonferma li kellu titjira skedata fit-8.00 p.m. u stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jekk irid imur miegħu. Minkejja dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrifjuta l-istedina tal-Prim Ministru.