Il-Partit Laburista ta bidu għall-Kungress 2026 b’diskussjoni f’Għawdex li fiha ħa sehem il-Prim Ministru Dr Robert Abela. Il-Kungress bit-tema “Malta Aqwa – Ikteb il-Kapitlu li Jmiss”, jinkludi fih sensiela ta’ attivitajiet li jgħinu fit-tfassil tal-prinċipji tal-manifest elettorali.
Fis-sessjoni tal-lum, il-Prim Ministru qal li l-fatt li dan il-Kungress beda jitlaqqa’ proprju f’Għawdex huwa sinifikattiv ta’ kemm dan il-Gvern iqis din il-gżira bħala prijorità, ta’ kemm jemnnu li Għawdex hu mutur ekonomiku prim u ta’ kemm jemmnu fl-abbiltajiet u l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin.
“Minkejja dak li qed jiġri barra minn xtutna, pajjiżna jista’ jibqa’ jippjana l-futur tiegħu”
Dr Abela beda biex qal li lkoll qed naraw dak li għaddej barra minn xtutna, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi. Semma r-realtà tas-suq internazzjonali taż-żejt u d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea anke f’dik li hi provvista tal-enerġija.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li f’pajjiżna nistgħu nibqgħu nitħadtu dwar kif nistgħu nkomplu nwettqu l-aspirazzjonijiet tan-nies. Qal li dan jista’ jsir għax għandna ekonomija u finanzi tal-pajjiż li huma fi stat ta’ saħħa qawwi.
“Kieku qegħdin bħal pajjiżi oħra m’aħniex hawn miġbura llum u nippjanaw flimkien dwar kif se nkomplu nsaħħu lil dan il-pajjiż,” tenna Dr Abela filwaqt li rrefera għall-aħbar pożittiva li kellna fl-aħħar sigħat fejn aġenzija ta’ kreditu internazzjonali – DBRS Morningstar – ikkonfermat l-aqwa rating li qatt tat lil pajjiżna – dak ta’ A (High) Stabbli.
Huwa sostna li dak li wassal biex din l-aġenzija tat ċertifikat daqstant qawwi lill-ekonomija tagħna kienu diversi fatturi fosthom il-politika ta’ dan il-Gvern fil-qasam tal-enerġija, l-għaqal tal-Gvern li jnaqqas it-taxxi għall-familji u d-dħul tal-pajjiż jibqa’ tiela’ ’l fuq u kif ukoll is-sostenibbiltà tal-piż tad-dejn.
“Dan jagħtina l-kuraġġ li minkejja dak li qed jiġri barra minn xtutna, dan il-pajjiż jista’ jibqa’ jippjana l-futur tiegħu u kif se jkompli jsaħħaħ il-qagħda tal-familji, negozji, studenti, pensjonanti u verament li ma’ Gvern Laburista hemm is-serħan il-moħħ u l-istabbiltà.”
Rotta ġdida tal-fast ferry u l-ewwel Study Hub f’Għawdex
F’intervent ieħor li għamel il-Prim Ministru, huwa tkellem dwar is-servizz tal-fast ferry li kien ittellaq fi żmien il-pandemija u r-riżultat li dan qed iħalli lkoll nafuh. Kien hawn fejn ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se tinbeda r-rotta ġdida bejn Tas-Sliema u Buġibba, Buġibba għal Għawdex.
“Proprju din il-ġimgħa l-operaturi informawni li lestew it-testijiet fuq il-moll ta’ Tas-Sliema. Għalhekk ejja nħarsu ‘l quddiem sabiex dan is-servizz ta’ rotta ġdida jittellaq ukoll,” qal il-Prim Ministru.
Huwa rrefera għal inizjattiva oħra, din id-darba bejn il-GRDA, il-GUG u l-Università ta’ Malta. Inizjattiva li se tara li fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta ġewwa Għawdex ikollna l-ewwel study hub.
“Dan huwa kunċett li jimmira biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-ispazju meħtieġ biex jistudjaw fih, itejbu l-abiltajiet tagħhom. Hemm qed nagħtu sinjal importanti ta’ kemm verament irridu nixprunaw u nsaħħu l-abiltajiet u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ tagħna.”
Minbarra dan, il-Prim Ministru semma ż-żieda ta’ 15% fl-istipendji u kif studenti Għawdxin li jinżlu Malta biex jistudjaw ingħataw għotja separata ta’ 280 ewro fix-xahar.
Huwa kompla jgħid li l-ekonomija Għawdxija llum qed tipproduċi biljun ewro. “Ikkumparat bejn illum u meta l-poplu fdana biex immexxu lil dan il-pajjiż 13-il sena ilu, l-ekonomija Għawdxija ttriplikajnieha.
“Il-ħolqien tax-xogħol ta’ kwalità fis-settur tal-privat, żidnih b’7,000 karriera ġdida. 7,000 impjieg ġdid f’Għawdex. Ifisser li l-Għawdxin jistgħu jagħżlu li jibqgħu jaħdmu f’Għawdex u numru sostanzjali ta’ karrieri fis-servizzi finanzjarji, f’dawk diġitali u f’dawk professjonali.
“L-investiment fil-budget tal-2012 kien 34 miljun ewro, fl-aħħar budget allokajna għal Għawdex 122 miljun ewro, tliet darbiet u nofs iżjed,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dr Abela tkellem ukoll dwar id-diversi proġetti li hemm ippjanati li jsiru f’Għawdex fosthom il-proġett tal-Qorti l-ġdida u kif dan il-Gvern qed iħares illi Għawdex isir l-ewwel żona ta’ pajjiżna li tkun climate neutral.
Dwar il-masterplan tal-isptarijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, il-Prim Ministru qal li “dak ix-xogħol jinsab fil-fażi finali tiegħu biex imbagħad ngħaddu fażi tal-implimentazzjoni fejn verament inkomplu nibnu wkoll fuq il-ħafna tajjeb li sar fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex s’issa. Fadlilna ħafna aktar proġetti ambizzjużi x’irridu nwettqu. Determinat li flimkien magħkom dawn il-proġetti nwassluhom kollha.”
Sessjoni mill-aktar interessanti u produttiva
Fl-intervent tiegħu tal-għeluq, il-Prim Ministru ddeskriva din l-ewwel sessjoni tal-Kungress bħala waħda mill-aktar interessanti u produttiva. “Nista’ nassigurakom li l-interventi kollha se jiġu nnutati u kemm jista’ jkun ukoll nimplimentawhom.”
Dr Abela semma li dan il-Gvern jinsab għaddej b’ħidma biex isaħħaħ il-konnettività. Hawn irrefera għall-proġett tal-airstrip il-ġdida illi bħalissa jinsab “f’fażi avvanzata wkoll fil-parti amministrattiva u teknika biex eventwalment ikun jista’ jiġi implimentata.”
Minbarra li sostna li l-iżvilupp f’Għawdex irid isir b’mod sostenibbli u intelliġenti, il-Prim Ministru qal ukoll li se jimbuttaw biex il-flotta kollha tat-trasport pubbliku f’Għawdex tkun waħda elettrifikata. “Illum qiegħed inħabbar inizjattiva li qed issir bejn il-Gvern u l-organizzazzjoni volontarja ROTA li permezz tagħha se ninstallaw 150 bicycle rack f’Għawdex, biex nippromwovu dawn il-mezzi alternattivi ta’ trasport.”
“Konvint u nemmen fil-potenzjal ta’ din il-gżira”
Dr Abela żied jitkellem dwar x’qiegħda tipproduċi l-ekonomija Għawdxija llum meta mqabbla ma’ dik tal-UE. “Tafu b’kemm kibret l-ekonomija Għawdxija mqabbla ma’ dik Ewropea? Bid-doppju tal-medja tal-UE.
“Għawdex ta’ 13-il sena ilu kien mifni bi problema ta’ qgħad. Naqqasnieh b’seba’ darbiet u llum nista’ nitkellem li hawn sitwazzjoni ta’ kważi full employment f’Għawdex. 90 persuna biss illi hawn jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex,” qal il-Prim Ministru.
“Għalhekk jiena konvint u nemmen fil-potenzjal ta’ din il-gżira. Nemmen fl-abbiltajiet u fil-ħiliet ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Determinat li din il-gżira nibqgħu mmexxuha ’l quddiem. Din l-esperjenza tal-lum tgħallimna kemm meta ninġabru flimkien fi spirtu ta’ għaqda, meta npoġġu bilqiegħda flimkien u nħallu lil kulħadd jitkellem u jesprimi ruħu dwar kif hu jemmen u hi temmen li għandna nieħdu lil dan il-pajjiż ’il quddiem fil-parametri tal-Viżjoni Malta 2050, kemm verament dan il-pajjiż għandu żmien eċitanti ġej quddiemu. Il-potenzjal hu qawwi. Il-ħiliet u l-aspirazzjonijiet huma kbar,” temm jgħid il-Prim Ministru.

