Il-Viżjoni Malta 2050 titkellem fuq mira ambizzjuża li fis-settur tal-manifattura jara l-valur miżjud jitla’ b’€1 biljun oħra fl-għaxar snin li ġejjin. Hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela fl-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-fabbrika tat-Trelleborg f’Ħal Far.
Investiment ta’ €34 miljun li jinkludi nefqa fl-infrastruttura u l-apparat li se jinġieb biex iħaddem il-faċilità estiża fejn Trelleborg se tgħaqqad l-industrija li ħadmet fiha fis-settur tas-semi-conductors flimkien ma’ dik tal-bio-pharma.
Il-faċilità estiża se żżid id-daqs tal-fabbrika b’aktar minn 6,000 metru kwadru u toħloq mitt karriera oħra ta’ kwalità billi n-numru ta’ impjiegi li tħaddem il-kumpanija Żvediża f’Malta jitilgħu għal 600. Fost l-oqsma li dawn il-karrieri ġodda se jagħtu opportunità lil aktar Maltin hemm dak tal-bio-inġinerija.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-istorja ta’ suċċess ta’ aktar minn 60 sena ta’ Trelleborg f’pajjiżna u fisser dan l-investiment bil-għajnuna tal-Malta Enterprise u INDIS Malta bħala turi ta’ fiduċja f’pajjiżna, fil-ħaddiema Maltin u fil-viżjoni f’pajjiżna favur żvilupp sostenibbli u teknoloġiku mżewwaq bir-riċerka.
Qal li t-tkabbir tal-fabbrika qed jiftaħ orizzonti ġodda f’setturi emerġenti u Malta hija lesta li tqum għal din l-okkażjoni. Spjega kif Trelleborg u kumpaniji oħra li jinvestu qatigħ f’pajjiżna huma kruċjali biex ikomplu jsaħħu l-identità ekonomika u industrijali ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru saħaq li dan l-investiment jimxi id f’id mal-prijoritajiet tal-Viżjoni Malta 2050.
“Malta tibqa’ pajjiż miftuħ għal investiment li jħalli valur miżjud mhux biss sempliċiment post fejn jilqa’ n-negozju”, qal Dr Abela li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema u t-tekniċi li għamlu dan il-proġett realtà u li se jkompli jsaħħaħ l-innovazzjoni f’pajjiżna”
Qabel il-Prim Ministru tkellem fost oħrajn il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, li fisser din l-espansjoni minn Trelleborg bħala eżempju ċar ta’ x’nistgħu niksbu permezz ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha bejn is-settur privat u entitajiet pubbliċi.
Huwa semma lil Malta Enterprise u INDIS Malta bħala entitajiet li kellhom irwol kruċjali biex dan l-investiment ukoll privat jimmaterjalizza billi ffaċilitaw l-allokazzjoni tal-art u mbuttaw lejn qalba ta’ operat ta’ valur miżjud. “Din it-tip ta’ kollaborazzjoni pro-attiva hija preċiżament dak li titkellem fuqu l-Viżjoni Malta 2050”, saħaq il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, il-President u Kap Eżekuttiv ta’ Trelleborg Group Peter Nilsson qal li l-investiment f’espansjoni fil-faċilità ta’ Trelleborg tfisser il-preżenza kostanti li għandha l-kumpanija f’Malta u r-rieda li tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fl-industrija tal-life sciences u s-semi-conductors.
Neal Borg, General Manager ta’ Trelleborg sealing Solutions ibbażata f’Malta qal, “Dan huwa żmien eċitanti għal Trelleborg f’Malta, hekk kif qed nespandu l-operat tagħna f’apparat mediku flimkien mal-industrija tas-semi-conductors.
Bl-appoġġ kontinwu ta’ Trelleborg Group, Malta Enterprise, INDIS Malta u l-impjegati tagħna, aħna fiduċjużi fil-ħila tagħna li nikbru b’mod sostenibbli u nwasslu soluzzjonijiet innovattivi.”