Sunday, December 22, 2024

Il-Prim Ministru jkompli għaddej bit-tibdil fil-Kabinett

Aqra wkoll

Minn kmieni filgħodu l-Prim Ministru beda sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi Ministru u Segretarji Parlamentari kif ukoll ma’ Deputati Laburisti li s’issa ma kellhom l-ebda kariga fil-Gvern.

Fl-aħħar ħinijiet daħlet Kastilja l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.

Għall-ħabta tal-4.00pm il-Minstru għall-Politika Soċjali u Drittijiet għat-Tfal Michael Falzon deher dieħel Kastilja filwaqt li fl-istess ħinijiet deher ħiereġ il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Imbgħad għall-ħabta tal-4.30pm Dehret dieħla Kastilja s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg filwaqt li ftit minuti wara daħlet id-Deputat Laburista Amanda Spiteri Grech.

Il-Prim Ministru talab laqgħa wkoll mad-Deputat Whip Noami Cachia li dehret ħierġa minn Kastilja ftit tal-minuti ilu.

Aktar kmieni: Jidħlu Kastilja l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u żewġ Segretarji Parlamentari

Fl-aħħar ħinijiet f’Kastilja biex ikollu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela daħal il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima.Ftit qablu daħlet s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli kif ukoll Is-Segretarju Parlamentari għall-Akwakultura, is-sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Aktar kmieni: Il-Ministri Clayton Bartolo u Owen Bonnici jidħlu laqgħa mal-Prim Ministru f’Kastilja

Il-Ministri Clayton Bartolo u Owen Bonnici ftit tal-ħin ilu daħlu fil-Berġa ta’ Kastilja f’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.

Aktar kmieni: Aktar Ministri u Segretarji Parlamentari f’Kastilja… jidħol ukoll Glenn Bedingfield

F’ġurnata impenjattiva ferm għal Prim Ministru Robert Abela hekk kif qiegħed ibiddel il-Kabinett tal-Ministri, f’Kastilja baqgħu deħlin aktar Ministri u Segretarji Parlamentari.

L-aħħar li dehru deħlin kienu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Whip Andy Ellul, kif ukoll s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Kien għall-ħabta tas-12.45 meta l-Ministru Byron Camilleri deher ħiereġ minn Kastilja u ftit minuti warajh deher ħiereġ il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.

Aktar tard għall-ħabta tas-1.20pm deher dieħel f’laqgħa mal-Prim Ministru l-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield

Aktar kmieni: Mistenni tibdil sostanzjali fil-Kabinett

Ftit tal-ħin ilu f’Kastilja daħlu għal laqgħa mal-Prim Ministru l-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u l-Ministru għal Ġustizzja Jonathan Attard.

Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Sorsi qrib dan is-sit qalu li l-pjani tal-Prim Ministru hu li jagħmel tibdil kbir fil-Kabinett u mhux eskluż li Membri Parlamentari li s’issa ma kellhom l-ebda kariga jingħataw Ministeru.

Aktar kmieni: Aktar Ministri jissejħu f’Kastilja

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ dalgħodu aktar Ministru dehru deħlin fil-Berġa ta’ Kastilja fejn bħalissa l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jagħmel tibdil fil-Kabinett.

Ritratt: Talk.mt

Fost dawk li dawk li daħlu l-ewwel għal laqgħa mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Joe Etienne Abela, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u d-Deputat Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea.

Aktar tard deher dieħel f’Kastilja l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Aktar kmieni: Mistenni tibdil sostanzjali fil-Kabinett tal-Ministri

Minn kmieni dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela beda jsejjaħ il-Ministri tiegħu fil-Berġa ta’ Kastilja biex jinformahom bil-karigi u t-tibdil li se jsir fil-Kabinett.

Sorsi qrib dan is-sit qalu li dan it-tibdil mistenni jkun wieħed sostanzjali.

Dan hu l-ewwel tibdil fil-Kabinett mill-elezzjoni ġenerali li saret fl-2022.

Aktar dettalji dalwaqt…

Ekonomija

Sport