Thursday, December 26, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-Forum Marittimu Malti

“B’kuntatt kontinwu mal-Forum Marittimu Malti nistgħu nilħqu l-eċċellenza fil-qasam marittimu” – il-Prim Ministru

Aqra wkoll

F’laqgħa mal-Forum Marittimu Malti (MMF) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela sema’ dwar l-irwol prinċipali tal-Forum u dwar kif dan jiġbor fih l-operaturi kollha involuti f’attivitajiet ta’ pjattaforma komuni relatati mas-settur marittimu.

 Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-importanza tas-settur marittimu rajnih jilħaq il-qofol tiegħu matul il-pandemija.

“L-importanza tas-settur rajnieha fil-qasam ta’ provvisti essenzjali u kif ukoll ħabba l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffri lil diversi nies. Issa rridu nħarsu lejn il-pass li jmiss; li nkabbru dan is-settur, hekk kif l-operaturi li hawn fis-suq jifilħu għall-espansjoni,” stqarr Dr Abela.

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif is-sehem tal-Forum huwa kruċjali biex joffri direzzjoni b’saħħitha lil dan il-gvern f’dan il-qasam.

“L-importanza ta’ laqgħat bħal dawn jirriflettu l-prinċipju ewlieni ta’ dan il-gvern billi nkomplu nisimgħu min-nies bħalkom li toffrulna l-aqwa direzzjoni possibbli ta’ kif irridu nilħqu l-eċċellenza. Laqgħat bħal dawn isiru mhux biss biex nitkellmu dwar l-ideat iżda biex attwalment infasslu pjanijiet konkreti,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Forum Marittimu Malti l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon irringrazzja lill-Prim Ministru talli dejjem inżammet komunikazzjoni kontinwa bejn il-gvern u l-Forum.

“Apparti li nirrappreżentaw għadd ta’ individwi u operaturi f’dan is-settur, illum il-ġurnata nħossu wkoll li għandna ċertu responsabbiltà li nipprovdu s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet varji li jinħolqu fis-settur,” stqarr iċ-Chairman Zammit McKeon.

Il-Forum jipprovdi dar naturali għall-atturi kollha fl-industrija marittima, fejn jistgħu jinstemgħu u fejn il-kwistjonijiet tagħhom se jiġu trattati b’mod kollettiv u kolleġġjali f’isimhom.

Waqt il-laqgħa saret ukoll preżentazzjoni dettaljata mil-Kap Eżekuttiv tal-Forum is-Sur Kevin J. Borg.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja.

Ekonomija

Sport