Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fil-Berġa ta’ Kastilja. Fil-laqgħa l-Prim Ministru fisser il-volontarjat bħala aspett sabiħ tas-soċjetà tagħna u quddiem il-ġid kbir li dan is-settur iwettaq, bħala Gvern irridu nkunu fuq quddiem biex nappoġġjaw il-ħidma fejjieda li toħroġ mill-volontarjat.
Dr Abela qal li s-settur tal-volontarjat irid jibqa’ jaġġorna maż-żminijiet u jimraħ filwaqt li aħna rridu nkunu ta’ appoġġ billi nissimplifikaw proċessi għall-għaqdiet li jgawdu minn fondi. Hawn il-Prim Ministru nnota l-importanza tat-taħriġ ma’ persuni li jagħtu ħinhom għall-volontarjat. Irrimarka kif in-nefqa allokata fil-Budget għal din is-sena f’dan ir-rigward żdiedet fuq is-sena ta’ qabel. Dan apparti finanzjament ta’ skemi oħra fosthom biex jiġu appoġġjati inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ ikunu involuti fil-volontarjat.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Gertrude Buttigieg fissret is-sodisfazzjon tal-Kunsill li kellu laqgħa mal-Prim Ministru Abela u spjegat kif l-impenn tal-Gvern li jnaqqas it-taxxa dovuta fuq donazzjonijiet monetarji għandu jkun pass importanti biex ikompli jiġi inċentivat u megħjun il-qasam tal-volontarjat.
Għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.