Il-Prim Ministru Robert Abela uffiċjalment fetaħ il-lukanda Casa Bonavita, dar Maltija storika mis-seklu 18 fil-qalba ta’ Ħ’Attard. Dan il-proġett minn intraprendituri Maltin sar b’investiment ta’ aktar minn €8 miljun u permezz tiegħu, filwaqt li d-dar żammet il-karattru Malti tagħha inbidlet f’boutique hotel ta’ 17-il kamra.
Dr Abela qal li dan mhuwiex biss investiment privat sostanzjali li kien jinvolvi wkoll proċess ta’ restawr. Qal li huwa wkoll trasformazzjoni ta’ proprjetà fil-qalba tar-raħal antik ta’ Ħ’Attard, biex toffri lit-turist l-elementi ta’ lussu, karattru Malti, l-awtentiċità u l-ġenwinità, flimkien.
Il-Prim Ministru qal illi dan l-investiment huwa wkoll wieħed minn ħolqa sħiħa ta’ investiment qawwi privat li għaddej bħalissa fil-pajjiż fis-settur turistiku u li ddeskrivieh bħala l-akbar ċertifikat ta’ fiduċja minn investituri Maltin u barranin fl-ekonomija tal-pajjiż.
Dr Abela qal illi apparti ċifri pożittivi dwar tkabbir fil-volum u n-nefqa tat-turisti, ċifri tal-Eurostat juru illi kienu 22% biss tal-iljieli li qattgħu t-turisti f’Malta li ġew reġistrati bejn Lulju u Awwissu. Dan meta, il-medja ta’ ljieli li qattgħu turisti fl-Unjoni Ewropa kien ta’ 31%, fl-istess xhur.
“Din minnha nnifisha hija kisba inkredibbli għall-gżejjer Maltin għax sirna destinazzjoni li rnexxielna niżviluppaw industrija turistika b’saħħitha matul is-sena kollha,” qal Dr Abela. Huwa qal li f’dan il-mument il-viżjoni tal-Gvern hija li Malta ġġib aktar valur, għal volum li qed tattira.
“Lura f’April ħadna deċiżjonijiet importanti u f’Ġunju dawn daħlu fis-seħħ. Daqshekk żvilupp ta’ akkomodazzjoni ta’ ftit stilel, inkoraġġiment biex akkomodazzjoni eżistenti tkun imtejba, filwaqt li komplejna nirregolaw is-suq tax-short lets,” kompla l-Prim Ministru.
Huwa temm jirringrazzja lill-investituri ta’ Casa Bonavita filwaqt li rrikonoxxa illi bil-ħidma u bid-determinazzjoni huma u bħalhom ħafna oħrajn madwar il-pajjiż, qed joffru prodott tal-ogħla livell, għal turisti tal-ogħla livell.
Min-naħa tiegħu r-rappreżentant tas-sidien Francis Spiteri Paris esprima sodisfazzjon għall-fatt li ntlaħaq dan it-tragward importanti. Huwa sostna illi fil-proċess is-sidien aċċertaw li mhux biss il-prodott ikun Malti, imma l-lukanda nnifisha tinħadem mill-Maltin: mix-xogħol tal-bennejja, sa mastrudaxxi u xogħol ieħor ta’ snajja’. “Dan sar minflok ġie importat xogħol lest minn barra, biex b’hekk kienet aċċertata l-awtentiċità ta’ Casa Bonavita.”
“Aħna nemmnu li Casa Bonavita qed timla’ vojt fis-settur tal-ospitalità Maltija u qed tgħin ukoll biex tinħoloq xi ħaġa ġdida. F’Malta hawn ħafna lukandi eċċellenti, imma ftit huma dawk li huma żgħar, li jagħtu attenzjoni individwali u li huma mmirati għal dawk it-turisti li qed ifittxu l-karattru Malti,” temm jgħid s-Sur Spiteri Paris.
Preżenti wkoll kien hemm il-General Manager tal-Lukanda Cyril Baligand u l-Executive Head Housekeeping Therese Agius.
