Il-GWU tikseb ir-rikonoxximent fl-Aquatic Resources Malta

Aqra wkoll

It-Taqsima Metall u Kostruzzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali sabiex tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Aquatic Resources Malta għall-finijiet ta’ negozjar kollettiv, wara li l-proċess ta’ verifika kkonferma li l-Union għandha fi ħdanha l-maġġoranza tal-ħaddiema eliġibbli.

Il-proċess beda wara li l-GWU, fl-10 ta’ Lulju 2026, talbet lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) sabiex tingħata għarfien ewlieni bħala l-unjin rikonoxxuta li tirrappreżenta lill-impjegati tal-Aquatic Resources Malta għall-finijiet ta’ negozjar kollettiv.

Skont ir-rapport ta’ verifika maħruġ mid-DIER fis-27 ta’ Awwissu 2026, ma kien hemm l-ebda unjin oħra li tirrappreżenta lil dawn l-impjegati. Għaldaqstant, id-Dipartiment mexxa bil-proċess ta’ verifika skont il-proċeduri stabbiliti.

Proċess li minnu ġie kkonfermat li l-GWU għandha fi ħdanha l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Aquatic Resources Malta, esklużi l-gradi ta’ Executive u Senior Executive.

Il-GWU tilqa’ dan ir-riżultat bħala pass importanti biex il-ħaddiema tal-Aquatic Resources Malta jkollhom rappreżentanza trejdunjonistika b’saħħitha u vuċi kollettiva fuq il-post tax-xogħol.

L-Union issa se tħares ’il quddiem biex tibda l-ħidma meħtieġa f’isem il-ħaddiema, bil-għan li permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u titħares il-kwalità tal-impjieg.

Il-GWU tibqa’ impenjata li tkun qrib il-ħaddiema, tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tagħhom u taħdem biex issaħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport