Żagħżugħ Franċiż ta’ 19-il sena, resident s-Swieqi, tressaq il-Qorti mixli b’serje ta’ reati relatati mad-droga wara li l-Pulizija allegatament sabet messaġġi fuq il-mowbajl tiegħu li fihom kien qed joffri MDMA u kannabis lil diversi persuni.
Bryan Gino Tel ġie mixli li pprovda, offra li jipprovdi jew qassam l-MDMA, li kkonfoffa ma’ persuni oħra bil-għan li jbigħ jew jimporta d-droga, li kellu l-kannabis fil-pussess tiegħu, li pproduċa jew biegħ il-kannabis u li kkonfoffa ma’ oħrajn biex ibigħha. Huwa ġie mixli wkoll li wettaq l-allegati reati f’distanza ta’ 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Il-Qorti semgħet li Tel kien Malta fuq btala u jaħdem bħala sewwieq li jwassal ix-xogħol fi Franza.
L-akkużi joriġinaw minn inċident li seħħ matul il-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Awwissu, meta uffiċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qed jagħmlu ronda f’Paceville. Għall-ħabta tas-siegħa ta’filgħodu, l-uffiċjali nnutaw diversi gruppi ta’ persuni jagħmlu movimenti li huma qiesu bħala suspettużi.
L-akkużat allegatament deher jgħaddi oġġett lil terza persuna. Il-pulizija avvviċinat il-grupp u infurmathom li kienu se jsiru tfittxijiet minħabba suspett ta’ reati relatati mad-droga. Instabet il-kannabis fuq waħda mill-persuni, iżda ma nstabet l-ebda droga fuq l-akkużat.
Il-Qorti semgħet li l-aġir tal-akkużat kompla jqajjem suspett fost il-Pulizija, li sussegwentement spezzjonat il-mowbajl tiegħu. Fuq il-mowbajl allegatament instabu diversi messaġġi minn dak il-lejl, kif ukoll mill-jiem u l-ġimgħat ta’ qabel, li fihom Tel allegatament kien qed joffri li jbigħ MDMA u kannabis lil diversi persuni. Il-Pulizija qalet li mill-konversazzjonijiet irriżulta li Tel allegatament kien qed jitlob ħlas għad-droga u jiftiehem ma’ dawn il-persuni dwar postijiet fejn setgħu jiltaqgħu.
L-investigazzjoni sussegwentement wasslet lill-Pulizija fir-residenza tal-akkużat, fejn waqt tfittxija nstabu diversi pakketti tal-kannabis kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Waqt il-prezentata tal-Ħamis, ma ġiex stabbilit l-ammont preċiż ta’ droga li allegatament instabet. F’ħin minnhom, Tel indika li xtaq jispjega ċerti affarijiet lill-Qorti pero hu ġie infurmat li ma setax jindirizza direttament lill-Qorti u li kellu minflok jikkomunika mal-avukat tiegħu.
Meta ntalab iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih, Tel ma weġibx. Wara li nnutat li l-akkużat deher konfuż, il-Qorti rreġistrat tweġiba ta’ mhux ħati għalih.
L-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura serja tal-akkużi, il-fatt li l-investigazzjoni għadha għaddejja u n-nuqqas ta’ rabtiet tal-akkużat ma’ Malta. Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li għad iridu jixhdu diversi persuni marbuta mal-każ. Zammit Young argumentat li Tel ilu Malta fuq btala minn Ġunju u qalet li kien lest jipprovdi indirizz fiss fejn seta’ jirrisjedi jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest. Hija qalet ukoll li Tel kien lest joqgħod għal kundizzjonijiet stretti, fosthom li ma javviċinax jew jikkomunikax ma’ xhieda potenzjali.
Tel inżamm arrestat. L-avukat Julian Scicluna u l-Ispettur Mark Mercieca mexxew il-Prosekuzzjoni. L-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young assistiet lill-akkużat. Il-Maġistrat Tanya Sammut ippresediet il-kaz.
