L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) nediet l-Istaġun Sinfoniku għas-sena 2026/27, bi programm ambizzjuż li jgħaqqad repertorju sinfoniku ta’ livell għoli, diretturi u solisti ta’ fama internazzjonali, filwaqt li jkompli jagħti prominenza lill-mużika Maltija.
L-istaġun jibni fuq it-tkabbir artistiku tal-Orkestra matul dawn l-aħħar snin u jkompli jsaħħaħ il-viżjoni tagħha favur l-eċċellenza artistika, l-internazzjonalizzazzjoni u t-tkabbir tal-udjenzi.
Fost is-serati ewlenin hemm Beethoven200, sensiela ddedikata lil Ludwig van Beethoven fl-okkażjoni tal-200 anniversarju mill-mewt tiegħu. Taħt id-direzzjoni ta’ Wolfram Christ, l-MPO se tippreżenta sensiela ta’ xogħlijiet tal-kompożitur, b’kollaborazzjonijiet ma’ solisti internazzjonali fosthom Freddy Kempf, Martina Meola, Pietro De Maria u Nikola Meeuwsen. Is-sensiela tilħaq il-qofol tagħha bil-preżentazzjoni tad-Disa’ Sinfonija f’Għawdex.
Il-programm tal-istaġun jinkludi wkoll repertorju minn kompożituri ewlenin fosthom Bruckner, Mahler, Shostakovich, Britten, Prokofiev, Mozart, Schumann, Tchaikovsky, Dvořák, Sibelius, Ravel, Strauss u Schubert, filwaqt li l-Orkestra se tkompli tagħti spazju lill-mużika Maltija u lill-kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet kulturali oħra.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea qal li l-Orkestra għandha rwol li jmur lil hinn mill-eċċellenza artistika. “Dan il-programm huwa xhieda ta’ kif l-Orkestra Nazzjonali qed tkompli timmira lejn l-ogħla livelli artistiċi u ssaħħaħ il-preżenza internazzjonali tagħha, u fl-istess waqt tkun dejjem eqreb lejn in-nies. Il-kultura hija parti mill-kwalità tal-ħajja tagħna, u permezz tal-mużika nistgħu noħolqu mumenti fejn il-familji u l-ħbieb jiltaqgħu, jirrilassaw u jgawdu esperjenza kulturali flimkien,” temm jgħid il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Vanessa Mangion, qalet li, “L-istorja tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta baqgħet tikber – bi tkabbir artistiku, passjoni u impenn lejn il-mużika. Il-programm li ħejjejna għal dan l-istaġun huwa interessanti ħafna, b’solisti ta’ fama internazzjonali li se jingħaqdu mal-Orkestra u diversi diretturi mużikali li se jkomplu jkabbru l-isem u l-għarfien prestiġjuż tal-Orkestra tagħna. B’hekk inkomplu nsaħħu l-viżjoni tagħna ta’ prestiġju, internazzjonalizzazzjoni u tkabbir tal-udjenza.”
L-Istaġun Sinfoniku 2026/27 se jibda f’Settembru 2026 u jibqa’ għaddej sa Lulju 2027, u se jara lill-MPO tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta u bħala ambaxxatriċi tal-eċċellenza kulturali Maltija.
