Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar id-dħul fis-seħħ ta’ żewġ liġijiet importanti fil-qasam tad-diżabilità

Aqra wkoll

 Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Malcolm Paul Agius Galea, attenda għall-ftuħ tas-16-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball BOV b’risq id-Dar tal-Providenza. Din l-attività ta’ 53 siegħa tlaqqa’ flimkien għadd kbir ta’ atleti u voluntiera għal għan nobbli. Dr Abela faħħar is-sens qawwi ta’ volontarjat li jikkaratterizza din il-maratona, kif ukoll l-użu tal-isport bħala mezz biex jiġi imbuttat stil ta’ ħajja b’saħħtu u, fl-istess waqt, titwassal kawża ġusta.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru fakkar li l-Parlament approva żewġ liġijiet importanti, jiġifieri l-Att dwar l-Awtonomija Personali u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli. Huwa ħabbar li llum dawn il-liġijiet se jibdew jitħaddmu favur il-persuni b’diżabilità u l-adulti vulnerabbli.

Dwar l-Att dwar l-Awtonomija Personali, il-Prim Ministru spjega li l-bidliet huma mibnija fuq il-prinċipju li ħadd ma għandu jieħu deċiżjonijiet f’isem persuna oħra, sakemm ma jkunx totalment impossibbli għaliha li tiddeċiedi. “L-ikbar ħaġa li nistgħu nagħtu lill-persuni b’diżabbilità hija dik li nagħtuhom l-awtonomija. Kull fejn huwa possibbli din il-liġi se tassigura illi jkollhom id-dritt tal-awtonomija fil-ħajja,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Permezz tat-teħid appoġġat ta’ deċiżjonijiet, persuna li tkun teħtieġ l-għajnuna tkun tista’ tirċievi l-appoġġ meħtieġ filwaqt li tibqa’ tgawdi l-awtonomija personali tagħha.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli. Dan se jiffaċilita l-għoti ta’ għajnuna meta adult vulnerabbli, fosthom anzjani jew persuni adulti b’diżabilità, ikollu l-protezzjoni tas-soċjetà. 

Dr Abela sostna li d-dħul fis-seħħ ta’ dawn iż-żewġ liġijiet jimmarka pass importanti ieħor fil-ħidma ta’ dan il-Gvern favur is-settur tad-diżabilità. Fl-istess waqt l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ liġijiet tkompli tixhed ir-rieda politika li għandu l-Gvern biex jitwettaq dak imwiegħed li jwassal fl-ewwel mitt jum ta’ din l-amministrazzjoni.

Huwa rringrazzja lill-atleti, lill-voluntiera, lill-ħaddiema u lit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza, immexxija minn Fr Martin Micallef, għas-servizz kbir li jagħtu lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela preżenta wkoll donazzjoni ta’ €20,000 mill-Fond għall-Kawżi Soċjali sabiex tkompli tiġi sostnuta l-ħidma importanti li ssir fid-Dar tal-Providenza.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport