Thursday, September 11, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jikkonsulta dwar il-Budget 2026 mal-imsieħba Għawdxin

Aqra wkoll

“Il-Gvern kommess li jkompli jibni ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha, reżiljenti u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li tippreserva l-identità Għawdxija.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-imsieħba Għawdxin. Huwa ddiskuta mal-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex numru ta’ temi li huma ta’ prijorità, kif ukoll dwar kif jistgħu jkomplu jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi ta’ din il-gżira.

Il-membri tal-Kumitat ippreżentaw lill-Gvern numru ta’ proposti msejsa fuq pilastri prinċipali li jinkludu l-aċċessibbiltà u l-konnettività, id-diversifikazzjoni ekonomika u d-diġitalizzazzjoni, il-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħaddiema Għawdxin, il-ġid tal-impjegati fi ħdan l-intrapriżi Għawdxin u l-proprjetà u l-wirt kulturali.

Matul id-diskussjoni l-Prim Ministru Abela rrefera għall-andament ekonomiku li qed jiġi reġistrat fil-gżira Għawdxija, b’enfasi fuq żewġ indikaturi prinċipali, dak tal-impjiegi kif ukoll dak tat-turiżmu. Huwa semma kif filwaqt li sal-2013 f’Għawdex kien hemm kważi 750 persuna jirreġistraw għax-xogħol, illum din iċ-ċifra naqset drastikament għal ftit aktar minn 50 persuna. Għaldaqstant il-Prim Ministru saħaq fuq l-impenn li l-Gvern għandu biex fix-xhur u s-snin li ġejjin ikompli jmexxi ’l quddiem inizjattivi u miżuri li jsaħħu r-riżorsa umana f’Għawdex billi jkompli jtejjeb u jibni fuq inizjattivi li jattiraw aktar ħaddiema ta’ valur għoli u start-ups, kif ukoll billi jkompli jinvesti sabiex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema eżistenti.

Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-investiment li qed isir fi skejjel ġodda, filwaqt li tenna kif għal Għawdex irridu spazji miftuħa u ħodor fil-qalba tal-komunità. F’dan ir-rigward semma kif il-Gvern għandu sensiela ta’ proġetti, flimkien ma’ proġetti oħra taħt il-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Urban, li minnu Għawdex se jgawdi minn investiment ta’ €60 miljun.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-turiżmu l-Prim Ministru Abela nnota kif is-settur turistiku jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Għawdxija. Huwa żied jgħid li sat-tieni kwart ta’ din is-sena n-numru ta’ dawk li qagħdu f’lukandi Għawdxin żdied b’23%, filwaqt li n-numru ta’ iljieli kibru bi 17%. Dan ifisser li l-gżira Għawdxija qed tirreġistra attività turistika akbar minn dik irreġistrata f’Malta.

F’dan ir-rigward il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jara li jkompli jevolvi mudell ekonomiku sostenibbli anke għal Għawdex. Hawnhekk irrefera għall-Viżjoni Malta 2050 kif ukoll għall-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi li t-tnejn li huma qed jagħtu stampa konkreta tal-viżjoni sostenibbli li l-Gvern għandu għall-ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha, reżiljenti u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u li fl-istess waqt tippreserva l-identità

Għawdxija. Il-Prim Ministru Abela saħaq ukoll kif il-konnettività fiżika kif ukoll dik diġitali jibqgħu elementi kruċjali biex jattiraw lejn Għawdex attività ta’ valur miżjud dejjem aqwa.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Anton Refalo, Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Clyde Caruana, u Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat Abigail Camilleri, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport