Thursday, November 6, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-atleti żgħażagħ tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) f’Pembroke fejn iltaqa’ mal-istudenti li jattendu din l-iskola sabiex jispeċjalizzaw fid-dixxiplini sportivi tagħhom.

L-NSS hija skola sekondarja li tgħaqqad l-edukazzjoni akkademika mat-taħriġ sportiv ta’ livell għoli, bil-għan li tiżviluppa l-atleti żgħażagħ Maltin sabiex jilħqu livell professjonali fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Din l-skola għandha total ta’ 241 student u toffri taħriġ f’21 dixxiplina sportiva.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti li kisbu riżultati barra minn xtutna, fosthom Sophie St John li bħalissa qed tagħmel suċċess fil-ġinnastika. Din l-iskola kienet strumentali sabiex atleti bħall-għawwiema Sasha Gatt li ħadet sehem fl-Olimpjadi u l-player tal-futbol Hailey Bugeja li tilgħab fis-Serie A fl-Italja waslu f’dan il-livelli professjonali. Dawn il-kisbiet huma xhieda li pajjiżna kapaċi jkollu atleti ta’ livell għoli bħal kull pajjiż ieħor.

Matul diskussjonijiet mal-edukaturi u t-tmexxija tal-iskola, il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment sinifikanti tal-Gvern fl-edukazzjoni u l-isport. Huwa semma kif fil-Budget ta’ din is-sena, il-Gvern qed jippjana li jinvesti aktar minn €13-il miljun bħala parti mill-EDU Infrastructure Programme, biex isaħħaħ l-infrastruttura u jsir ir-rinnovar fil-kulleġġi filwaqt li joħloq spazji edukattivi moderni u inklużivi. F’dan il-kuntest, huwa semma wkoll l-estensjoni tal-iskema tal-gym b’xejn għaż-żgħażagħ, li issa qed tinkludi wkoll żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena.

Il-Prim Ministru spejga wkoll kif sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu tqassmu madwar 20,000 apparat diġitali lill-istudenti tas-snin 4, 7, 8 u 9 biex jiġi assigurat aċċess ugwali għat-teknoloġija. Barra minn hekk, il-Gvern se jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-familji kollha li għandhom studenti fis-Sena 10 u 11 biex ikompli jsaħħaħ l-Istrateġija Diġitali għall-Edukazzjoni.

Inizjattivi bħall-espansjoni tal-proġett tal-Handball Pavilion f’kumpless sportiv multifunzjonali u l-ftuħ uffiċjali ta’ faċilitajiet ġodda bħall-Marsa Sports Complex u ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, juru l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi l-attività fiżika u l-edukazzjoni ħolistika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport