Thursday, November 28, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa. Ġnien Spencer, żona ta’ madwar 11-il tomna ta’ art, irritornat fi stat mill-isbaħ lill-komunità bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fi spazji ħodor u sostenibbli fil-qalba tal-lokalitajiet ta’ pajjiżna.

Fil-fatt, dan il-ġnien riġenerat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, jippromwovi b’mod b’saħħtu l-prinċipju tas-sostenibbiltà fosthom b’sistema tal-ħażna tal-ilma u li fl-istess ħin tiffiltrah. Dan flimkien mat-tħawwil ta’ qrib is-sitt elef arbuxell u sitt elef pjanta oħra flimkien ma’ bosta siġar u sistemi li jiġġeneraw l-elettriku mid-dawl tax-xemx.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija ta’ dan il-proġett fil-qalba tal-Marsa. “Illejla qed nassistu għat-tlestija ta’ proġett f’lokalità li nemmen bis-saħħa fil-potenzjal tagħha. Lokalità li deċiżjonijiet tal-passat kienu iebsa mal-poplu Marsa. Illum kburi bi Gvern li jemmen bis-saħħa fil-Marsa”, irrimarka l-Prim Ministru hekk kif tenna mill-ġdid ir-riġenerazzjoni b’saħħitha li jrid jara f’din il-lokalità u d-deċiżjonijiet importanti li diġà ttieħdu mill-Gvern f’dan ir-rigward, fosthom bl-għeluq tal-power station.

Intant, il-Prim Ministru tenna l-impenn tiegħu li l-Gvern ikompli jagħti prijorità lil proġetti bħal dak ta’ Ġnien Spencer. “Nemmen li rridu naċċelleraw iżjed il-ħidma biex ikollna aktar. Irrid nara aktar bħal Ġnien Spencer. Proġetti oħra li wettaqna bħal dak ta’ Wied Fulija, il-Qortin f’Għawdex u Bengħajsa huma proġetti importanti”, sostna l-Prim Ministru hekk kif spjega wkoll li fil-Budget għas-sena d-dieħla se jiżdied l-investiment biex s-sena d-dieħla jitlestew 19-il proġett ieħor ta’ spazji miftuħa.

“Inħares ’il quddiem biex nara ħafna familji jgawdu dan il-post. Ejja ħalli nibqgħu nżommu dan ir-ritmu b’saħħtu fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjentali lejn pajjiż ta’ kwalità”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Qabel l-inawgurazzjoni tkellmet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli. “B’dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni qed nagħtu nifs ġdid lill-Marsa. Dan il-proġett jissimbolizza l-protezzjoni kontinwa li rridu nagħtu lill-ambjent ta’ madwarna. Ġnien Spencer jirrappreżenta l-impenn tal-ERA li tkompli taħdem u ssaħħaħ il-ħidma tagħha favur il-protezzjoni ambjentali, fil-forom differenti tagħha,” qalet il-Ministru Dalli. “Wegħedna 40,000 metru kwadru ta’ spazji ġodda miftuħa sal-aħħar tas-sena. Dan huwa t-tielet ġnien li qed niftħu f’temp ta’ tlett ijiem. It-tielet ġnien li qed joffri valur miżjud fil-lokalità li jinsab fiha”, temmet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport