Friday, September 5, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur ix-xogħlijiet tal-espansjoni fuq it-terminal tal-Port Ħieles

Issalvagwardjati l-interessi tar-residenti fi proġett ta’ riklamazzjoni tal-art li jista’ jkun eżempju għal proġetti oħra simili f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnet żaru l-Port il-Ħieles hekk kif ix-xogħlijiet fuq l-espansjoni tat-terminal jinsabu f’fażi avvanzata.

B’investiment kapitali ta’ madwar €56 miljun, dan il-proġett se jwassal għal riklamazzjoni ta’ 30,000 metru kwadru t’art mill-baħar. Dan ifisser li l-moll tat-Tramuntana fit-tieni terminal se jiġi estiż b’176 metru, filwaqt li l-moll tal-punent se jkun estiż b’195 metru. Dan it-twessigħ infrastrutturali se tkun qed isaħħaħ il-kapaċità tal-Port il-Ħieles biex jimmaniġġja containerships li huma itwal minn erba’ grawnds tal-futbol u li jġorru 23,000 kontejner. 

Sal-lum il-Port Ħieles joffri servizzi lil aktar minn 110 port madwar id-dinja li aktar minn 50 minnhom jinsabu fil-Mediterran. Il-faċilità tieħu ħsieb kważi tliet miljun kontejner TEU fis-sena, tipprovdi impjieg dirett għal aktar minn 1,500 persuna u tikkontribwixxi €170 miljun għall-ekonomija ta’ Malta. It-twessigħ u t-titjib fl-infrastruttura marittima fil-Port il-Ħieles se jwasslu sabiex jinħolqu madwar 165 impjieg ġdid. 

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li nkomplu ninvestu u nsaħħu infrastruttura marittima. Qal li dan il-proġett strateġiku se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru tat-trażbord fil-Mediterran. Huwa nnota b’sodisfazzjon, kif apparti mill-importanza tal-Port il-Ħieles għall-konnettività u l-ekonomija ta’ Malta, il-Korporazzjoni Malta Freeport qiegħda tara wkoll li r-residenti ta’ Birżebbuġa jibbenefikaw ladarba jitlesta dan il-proġett. Dan għaliex hekk kif jibda jiġi operat dan it-terminal, bastimenti merkantili se jibdew isorġu iżjed ’il barra, fejn krejnijiet li jerfgħu l-kontejners jkunu iżjed ’il barra b’inqas ħoss u inkonvenjent għan-nies ta’ Birżebbuġa. Il-Prim Ministru żied jgħid li dan it-tip t’investiment huwa allinjat mal-Viżjoni ta’ pajjiżna għall-2050.

Il-proġett tal-Freeport huwa fil-fatt eżempju ta’ proġetti oħrajn ta’ riklamazzjoni tal-art li jistgħu jitwettqu f’pajjiżna u li talludi għalihom il-Viżjoni Malta 2050.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, wera sodisfazzjon għall-progress li sar, hekk kif s’issa tlestew madwar nofs ix-xogħlijiet meħtieġa. Huwa qal dan il-proġett ta’ riklamazzjoni tal-art ippreżenta sfidi kbar, iżda grazzi għad-dedikazzjoni u l-professjonalità ta’ dawk kollha li qed jaħdmu fuq il-proġett ġew megħluba numru ta’ sfidi reali li jġib miegħu proġett ta’ riklamazzjoni t’art mill-baħar.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministri Schembri u Bonett ġew murija wkoll is-simulatur tal-krejn. Dan is-simulatur mill-aktar avvanzat se jkun qed jipprovdi taħriġ sigur għar-rekluti ġodda kif ukoll għall-ħaddiema attwali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport