Wednesday, March 27, 2024

“Il-prinċipji tal-ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-omm mhux negozjabbli”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-prinċipji tal-ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-omm mhux se jkunu negozjabbli. Huwa ddikjara dan meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu minn L-Orizzont wara li żar ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fuq il-kampus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi Smart City, il-Kalkara.

Dan is-sit staqsa jekk kienx hemm xi suġġerimenti għal tibdil fl-emenda li ressaq il-Gvern li tħares saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzonijiet waqt it-tqala. Filwaqt li qal li  d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Gvern se jibqa’ miftuħ biex jisma’ aktar fehmiet diversi. 

Dr Abela nnota wkoll li kien hemm min ipprova jagħti l-impessjoni li b’xi mod huwa ma riedx jitkellem mal-President tar-Repubblika, iżda minnufih l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Uffiċċju tal-President ħarġu jiċħdu dan. Semma kif sal-ġimgħa li għaddiet stess huwa kellu laqgħa mal-President George Vella, liema laqgħat bejniethom isiru regolarment.

“Il-prinċipji jibqgħu ċari. Minn dawk iż-żewġ prinċipji ewlenin, mhux se jkun hemm negozjar ma’ ħajjet jew saħħet l-omm. Biex niżguraw li dawk iż-żewġ prinċipji fil-prattika jiġu prattikati skont dik li hija evidentement l-intenzjoni tagħna, li le aħna m’aħniex qed indaħħlu l-abort f’pajjiżna, allura hemmhekk nibqa’ miftuħ għad-diskussjonijiet,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

L-emenda kif proposta mill-Gvern li bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Parlament tgħid hekk: “ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta t-terminazzjoni tat-tqala tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.” 

Ekonomija

Sport