Sunday, December 22, 2024

Il-privileġġ parlamentari… għandu jibqa’ kif inhu?

Aqra wkoll

Is-sena l-oħra, pajjiżna ċċelebra l-100 sena mill-ewwel parlament fl-1921. Anniversarju denju li jissimbolizza wkoll ċentinarju ta’ mixja lejn id-demokrazija u l-ħelsien. Bla dubju, l-ewwel u l-aqwa funzjoni tal-Parlament huwa li jillegiżla fl-aħjar interess pubbliku u wkoll li fl-istess ħin joħloq dawk id-deterrenti kollha meħtieġa għal ħarsien tal-liġijiet. Biex il-liġijiet ma jinkisrux.

Bl-iskop li r-rappreżentanti tal-poplu eletti fil-Parlament jaqdu dmirhom bla xkiel, b’lealtà lejn il-poplu u b’mod onest. Artiklu 2 tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati jipprovdi li ebda proċediment ċivili jew kriminali ma jista’ jsir kontra membru tal-Kamra tad-Deputati għal kliem li jingħad minnu quddiem il-Kamra jew Kumitat tagħha, sew Kumitat tal-Kamra kollha jew Kumitat Magħżul, jew għal kliem miktub minnu f’rapport lil dik il-Kamra jew Kumitat, jew minħabba xi materja jew ħaġa miġjuba minnu b’petizzjoni, abbozz, riżoluzzjoni, mozzjoni jew xort’oħra.

Fi ftit kliem, dan l-Artiklu jagħti l-protezzjoni lil kull membru tal-Parlament u l-libertà li jesprimi ruħu dwar dak li jħoss li għandu jgħid mingħajr xkiel u mingħajr ma jkun suġġett għal xi azzjoni kontrih.

Imma dan il-privileġġ dejjem qed ikun osservat b’reqqa fit-tifsira sħiħa tiegħu? Il-membri parlamentari kollha qed ikunu dejjem leali lejn l-ispirtu ta’ dan l-Artiklu?

Dan qed ngħiduh għaliex fil-fehma tagħna, qed ikun hemm drabi fejn dan il-privileġġ qed jiġi abbużat. Qed ikun abbużat f’sens illi kien hemm drabi fejn ġie użat lingwaġġ li mhux xieraq jingħad fil-Parlament u anki saru allegazzjonijiet infondati u mhux pruvati tant li mhux darba l-Ispeaker ġie msejjaħ jagħti ‘ruling’ dwar dawn il-każi. 

Filwaqt li nistqarru bla ebda ekwivoku t-twemmin qawwi tagħna favur l-espressjoni ħielsa u fil-liberta’ tal-kelma, b’danakollu ma nemmnux li l-privileġġ parlamentari jkun abbużat sempliċiment billi jkun hemm min, għax għandu l-unur prestiġjuż ta’ membru parlamentari, jinħeba wara dan il-privileġġ.

Dan ngħiduh ukoll għaliex sa issa ma nafu li jeżistu ebda rimedji għaċ-ċittadin ordinarju li jkun b’xi mod safa vittma ta’ allegazzjoni dwaru minn xi membru parlamentari.

Dan ukoll kien innutah l-Ispeaker Anġlu Farrugia fid-diskors tiegħu tas-Sette Giugno li rrakkomanda biex jiġi introdott rimedju li jagħti liċ-ċittadin id-dritt għal risposta, fejn jinħass li ċ-ċittadin ikun vittma tal-privileġġ parlamentari.

B’dan li qed ngħidu ma rridux ninftehmu li rridu li l-privileġġ parlamentari jkun abolit, imma min-naħa l-oħra ma nistgħux nibqgħu naċċettaw sitwazzjonijiet fejn vittma ma jkollhiex rimedju jew għalmenu d-dritt li tnaddaf isimha minn kull allegzzjoni li tkun saret dwarha fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport