Tuesday, May 14, 2024

Kruċjali l-komunikazzjoni bejn l-iskola u l-ġenituri kontra l-bullying

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima, waqt l-aħħar seduta parlamentari kien mistoqsi mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea dwar x’miżuri qegħdin jittieħdu biex jitnaqqsu r-rapporti ta’ bullying fost it-tfal u l-adoloxxenti fl-iskejjel primarji u sekondarji.

Il-Ministru Grima qal li meta jinqalgħu każijiet ta’ bbuljar bejn l-istudenti, id-Dipartiment u l-iskejjel ikkonċernati fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni. 

Qal li l-Guidance Teachers tal-Anti-Bullying Service jżuru l-iskejjel u kull fejn ikunu rappurtati tali każijiet; dawn isegwu proċeduri u miżuri stabbiliti biex jagħtu l-għajnuna professjonali tagħhom. 

Fost dawn, huwa semma sessjonijiet individwali ta’ counselling u guidance mal-vittma u mal-aggressur, sessjonijiet mal-psikoloġi, is-social workers u mal-ispeċjalisti tal-SEBD, fejn il-vittma wkoll tingħata l-possibbiltà ta’ counselling service. 

Il-Ministru Grima qal ukoll li jsiru laqgħat bejn l-iskola u l-ġenituri tal-vittma, kif ukoll tal-bully, skont il-bżonn. Importanti li, kemm jista’ jkun, ikun hemm komunikazzjoni miftuħa bejn il-ġenituri u l-iskola – meta jkun hemm każ ta’ bullying l-għan, kemm tal-iskola kif ukoll tal-ġenituri, irid ikun wieħed fejn kulħadd jaħdem id f’id. 

“Permezz tar-restorative justice/practices, waqt interventi individwali, l-istudenti kkonċernati jiġu megħjuna biex jifhmu kif l-aġir tagħhom affettwa lil dawk ta’ madwarhom, kif ukoll li għal kull aġir, hemm konsegwenza. Bl-użu tar-restorative practices, li jinkludu l-użu ta’ restorative language u restorative conversations, l-istudenti li jkunu għamlu atti ta’ bullying jingħataw l-appoġġ biex ikunu jistgħu jagħrfu aħjar l-impatt negattiv li jista’ jħalli l-bullying. Dawn ukoll jiġu megħjuna biex, b’mod konkret, juru d-dispjaċir tal-azzjoni li jkunu wettqu. Importanti li wieħed jifhem li l-għan tar-restorative practices fl-iskejjel huwa li jrawwem sens ta’ empatija, rispett u responsabbiltà, kif ukoll sens ta’ komunità.”

Il-Ministru Grima qal ukoll li l-Anti-Bullying Service team huwa attiv ukoll f’dik li hi prevenzjoni u għarfien, permezz ta’ COPE sessions mal-għalliema, fejn jiġu diskussi x’inhu l-ibbuljar u kif wieħed għandu jintervjeni u jippreveni, fuq livell ta’ skola. Isiru wkoll laqgħat mal-ġenituri, dwar għarfien u ħiliet neċessarji biex jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw ħiliet soċjali aktar b’saħħithom. 

Ġie spjegat li l-Anti-Bullying Service jagħmel ukoll awareness interventions dwar il-bullying, ma’ klassijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet li jista’ jsir xi forma ta’ bullying. L-iskop ta’ dawn l-awareness interventions huwa li l-istudenti jiġu aktar konxji dwar l-importanza tal-ħbiberija, empatijja u rispett bejn xulxin, kemm fl-iskola kif ukoll lil hinn minnha. 

Il-Ministru Grima tenna li fejn hemm każ ta’ bullying barra l-iskola li jinkludi s-cyberbullying, il-ġenituri tal-vittma jiġu mħeġġa sabiex jagħmlu rapport l-għassa, filwaqt li s-servizz ta’ l-Anti-bullying jingħata ġewwa l-iskola lill-istudenti involuti fil-każ. Kull meta l-iskola tiġi mgħarrfa li kien hemm xi każ irrappurtat lill-pulizija, l-iskola fejn jattendi l-istudent toffri għajnuna kemm lill-vittma kif ukoll lill-agressur. 

“Ta’ min iżid li r-rapport bejn l-awtoritajiet edukattivi u l-korp tal-pulizija huwa wieħed ottimu, speċjalment bejn is-Servizzi Nazzjonali għas-Sapport tal-Istudenti u l-Vice Squad fi ħdan il-Korp,” temm jgħid il-Ministru għall-Edukazzjoni.  

Sport