Sunday, December 22, 2024

“Il-problema hija li l-bajja qiegħda dejjem tiċkien”

- Sid lido fl-Għadira b’realtà ta’ sfida kkawżata min-natura… Is-sitwazzjoni issa ggravat wisq

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dan is-sit, kien ħareġ fit-toroq tal-Belt biex jistaqsi l-opinjoni pubblika dwar il-lidos u l-għarmar ta’ umbrellel u deckchairs f’bajjiet pubbliċi. Fir-rigward l-aktar li ngħad huwa li għandu jkun hemm bilanċ bejn l-ispazju meħud għal dan is-servizz u spazju liberu f’bajja pubblika għan-nies li ma jridux is-servizz.

Il-pubbliku qajjem id-domanda jekk dawn is-sidien tal-umbrellel u d-deckchairs humiex regolati u jħallsux taxxi. Għal dan il-għan u biex nagħtu vuċi lil kulħadd, tkellimna ma’ wieħed mis-sidien ta’ dawn il-lidos fejn filwaqt li kkonferma li jħallas għall-ispazju li jingħata biex jarma l-umbrellel u d-deckchairs, poġġa fuq il-mejda realtà li forsi ftit innotaw.

Din hija li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-bajjiet qegħdin jiċkienu. Bl-erużjoni naturali, ir-ramel qiegħed jintilef tant huwa hekk li l-konċessjoni ta’ kwadrat fejn jarmaw, tnaqqset.

Ħarsien tar-regolamenti, tindif, armar u servizzi oħra

Ian Micallef huwa sid il-lido tal-Munchies fil-bajja tal-Għadira u ilu f’dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 10 snin. Huwa laqagħna fejn beda biex jgħidilna li, “l-esperjenza fl-immaniġġjar tal-bajja qiegħda tikber. Din għandha l-isfidi tagħha li rrid niffaċċja ta’ kuljum fosthom fejn jidħol tindif, armar, regolamenti u servizzi oħra inkluż il-customer service. Il-ġurnata għalina tibda minn kmieni ħafna filgħodu għax apparti li jkollna s-servizz min-naħa tal-MTA li jiġu naddfu l-bajja, aħna xorta waħda nnaddfu l-parti tagħna”.

Micallef spjega aktar fid-dettall it-tindif li jsir minnhom fejn, apparti t-tindif tar-ramel, jagħmlu wkoll tindif tal-baħar. Dan it-tindif jinkludi l-ġbir ta’ bram biex ma jkunx ta’ inkovenjent għall-persuni li jkunu qegħdin jogħmu b’mod speċjali għat-tfal.

“Il-problema tikber qiegħda u l-bajja qiegħda tiċkien”

Huwa qabel li, “ovvjament qegħdin fuq bajja pubblika. Aħna bħala konċessjonijiet nirrispettaw iż-żoni tagħna fejn tidħol kwota u permess. Iċċekjati regolarment u apparti minnhekk, hawn ta’ kuljum għandna magħna uffiċjal tal-MTA. Apparti li dawn jagħmlu xogħolhom tajjeb, jiċċekjaw li ma naqbżux il-konċessjoni mogħtija lilna”.

Kien hawn li sid il-Munchies ġibed l-attenzjoni li, “li huwa żgur huwa li nnotajna li minn sena għall-oħra l-bajja qiegħda dejjem tiċkien. L-erużjoni tar-ramel qiegħda dejjem tiżdied. Il-problema tikber qiegħda u l-bajja qiegħda tiċkien. Nifhem li jkun hemm xi drabi li l-pubbliku jkun irrabjat għax jiġi fuq il-bajja u jsib li l-ispazju mhuwiex hawnhekk imma, jekk wieħed jara lura, il-bajja kienet ħafna u ħafna ikbar”.

Micallef kompla jafferma dan fejn spjega li tant huwa hekk li l-metri ta’ konċessjoni tnaqqsulhom u li m’għandhomx kif kienu. Żied li, “bejn il-konċessjonijiet mogħtija lil kulħadd ċeda, jekk m’inix sejjer żball, 320 metru kwadru u bqajna nħallsu l-flus tal-art, flus tajbin ħafna. Dan faċli wieħed jaraha mill-permessi mwaħħla. Ma nistgħux naqbdu u noħorġu l-affarijiet barra jekk m’għandniex permess. Tant kemm huwa veru li fuq il-bajja jkun hemm il-ballards u dawn qegħdin hemm hekk għal raġuni – għax jindikaw ta’ min huma ż-żoni”.

“Qegħdin nagħtu servizz… servizz tajjeb ħafna”

Mill-informazzjoni li tana, il-binja fejn morna ilha mill-1977 u din minn dejjem il-konċessjoni li tarma għax hija lido u mhux kiosk. Micallef qal li huma bħala sidien ta’ dan il-post huma marbuta bis-servizz tal-ikel u x-xorb, bis-servizz tal-bajja, bis-servizz ta’ water sports u magħhom jidħlu s-servizzi sanitarji wkoll.

“It-toilets tiegħi huma pubbliċi u b’kollox għandi tmienja li n-nies jużaw. Dak pubbliku qiegħed ‘il bogħod ħafna biex dak li jkun jużah. Jiġifieri aħna, qegħdin nagħtu servizz li pubbliku wkoll u fl-opinjoni tiegħi, naħseb li nagħtuh tajjeb ħafna,” insista Micallef.

Mistoqsi l-opinjoni tiegħu dwar l-għarmar ta’ umbrellel u deckchairs mill-gabbani u jekk jaħsibx li dawn ukoll iżommu mal-konċessjonijiet mogħtija lilhom mill-awtoritajiet, Micallef wara li ħaseb ftit qal li dawn, “iva jimxu mar-regoli imma forsi jkun hemm min f’xi ġranet jeċitaw aktar ruħhom u forsi jifirxu ftit aktar”.

Min-naħa tiegħu Ian Micallef iddikjara li qatt ma kellu problemi mal-pubbliku minħabba spazju fil-bajja u dan għax huwa dejjem żamm mal-parametri tiegħu. Sid il-Munchies għalaq billi qal li, “jekk bniedem għoġbu jiġbed l-attenzjoni tal-awtorità, dawn ġew u għaddew il-kwota u ma kien hemm ebda problema.

Il-pubbliku għandu kull dritt jitkellem imma jien qiegħed nimxi skont dak li għandi jien”.

Ekonomija

Sport