Il-President tal-NGO bBrave Greta Antignolo stqarret ma’ dan il-ġurnal li l-problema tal-ibbuljar fl-iskejjel hi waħda kbira, b’mod partikolari s-cyber bullying, jiġifieri meta dan ikun qed isir permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew online.
Antignolo kienet qiegħda titkellem ma’ talk.mt dwar il-ġimgħa nazzjonali kontra l-bullying li bħala għaqda qed iniedu mil-lum, bit-tema magħżula għal din is-sena hija Reach Out, bil-ħsieb li wieħed jikkumbatti l-bulying u jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ.
Hija bdiet billi qalet li bBrave hi l-ewwel NGO li tiġġieled l-ibbuljar f’Malta filwaqt li topera bis-sħiħ fuq bażi volontorja u tassisti wkoll individwi li jbatu ħafna minħabba din il-problema sabiex tressaqhom għall-għajnuna.
Hija qalet li l-ibbuljar m’għandux età u semmiet bħala eżempju kif fost it-tfal kollox jibda minn tablet, mobile jew laptop fejn it-tfal jibdew kwistjoni li eventwalment teskala u grupp partikolari teħodha kontra individwu li eventwalment jiġi bbuljat.
Minn hemm imbagħad jibda l-inkwiet għax il-problema li joħolqu huma stess tispiċċa fil-klassi bl-affarijiet li jkomplu jeskalaw, hija żiedet tgħid. Dawn l-affarijiet iġibu aktar inkwiet għax kif qaltilna hi stess, ġieli jiltaqgħu ma’ studenti u anke adulti li jaħsbu fis-suwiċidju.
Fl-isfond ta’ dan kollu, hija qalet li bħala għaqda qegħdin iħeġġu lin-nies biex ma jibżgħux jersqu ‘l quddiem u jitkellmu dwar il-problemi li jkunu għaddejjin minnhom sabiex isibu dik l-ispalla li jkollhom bżonn.
“Aħna qed inħeġġu lin-nies sabiex jitkellmu jekk jaraw episodju ta’ ibbuljar. Għalhekk se nkunu qed nagħtu sessjonijiet ta’ counselling bla ħlas għal kull min jiġi bżonnu. Irridu nqajmu kuxjenza fost il-poplu Malti u Għawdxi.”
Antignolo tenniet li kultant kelma nieqsa aħjar minn waħda żejda. Qalet li b’kelma kapaċi tkisser lil dak li jkun mentri min-naħa l-oħra, meta tagħmel azzjoni tajba, dak l-istess tajjeb li għamilt jerġa’ jiġi għandek. “Mela għalhekk ieqaf, aħseb u ara x’tgħid bi lsienek, x’tagħmel bl-azzjoni tiegħek u x’tikteb minn wara dak l-iskrin. Mhux kulħadd joħodha l-istess u għalhekk importanti li nibżgħu għal kulħadd.”
“Infakkru lil kulħadd li għandna responsabbiltà li ngħinu lil xulxin. Mument ta’ kuraġġ jista’ isalva ħajja. Tkellem ma’ xi ħadd li tafda jekk għandek bżonn l-għajnuna. Jekk qed tara li xi ħadd qed jiġi ibbuljat, irridikolat jew imwarrab, ħu l-ewwel pass u uri sapport billi tmur fuq il-persuna u tkellimha.
Antignolo kienet qed tikkwota lill-Fundatur u Segretarju Ġenerali ta’ bBrave, Dr. Aaron Zammit Apap, li stqarr hekk: “It-tema ta’ din is-sena taqbel perfettament mal-missjoni ta’ bBrave – dik li nagħtu sapport. Reach Out hu messaġġ ta’ inkoraġġiment lil dawk li qed iħossuhom vulnerabbli minħabba in-negattività li jġib miegħu l-bullying f’ħajjithom.”
Kien għalhekk li bBrave għadha kemm laqqgħet lit-tim ġdid ta’ trainee counsellors fi ħdan id-Dipartiment tal-Counselling fl-Università ta’ Malta – dawn joffru sessjonijiet ta’ counselling mingħajr ħlas lil min qed isofri minħabba l-bullying.
Greta Antignolo ittemm din l-intervista b’messaġġ wieħed u ċar. “Importanti li ma noqogħdux passivi. Meta wieħed qed jara episodju ta’ ibbuljar li qed iseħħ quddiemu għandu jitkellem immedjatament. Aħna kollha kemm aħna nistgħu ngħinu sabiex inwaqqfu dan il-bullying. Flok inkomplu ma’ ħaddieħor u nagħmluha dak li bl-Ingliż isejħulu cool, għandna nwaqqfuhom u nċanfruhom għax flok jgħinu persuna, iktar qed ikissruh. Ejjew għalhekk ngħinu lil kulħadd, nibżgħu għal xulxin u noqogħdu attenti li ma nweġġgħu lil ħadd. Bħalma ħaddieħor ma jridx li jagħmlulu d-deni, hekk ukoll aħna. Nittama li dan il-messaġġ jasal għand kulħadd!”.
Kull min jixtieq jikkuntattja lil bBrave jista’ jkellem lil Amanda Lia permezz ta’ email fuq l-indirizz elettroniku, [email protected].