Sunday, April 28, 2024

“Il-Gozo Channel kien u se jibqa’ tal-Gvern” 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kontra dak li qal il-Partit Nazzjonalista li l-Gvern se jipprivatizza l-Gozo Channel, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ta garanzija li l-kumpanija kienet, għadha u se tibqa’ tal-Gvern. Qal li jekk il-Kummissjoni Ewropea titlob li jkun hemm proċess ta’ tenders biex ikun deċiż min se jmexxi l-kumpanija, il-Ministru qal li l-Gvern se jkun fost dawk li jixħtu l-offerta u huwa determinat li jirbaħha.

Il-Ministru Camilleri ddikjara dan waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għal Għawdex kif imħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla. Huwa żied jgħid li minn sitwazzjoni fejn it-traġitt bejn iż-żewġ gzejjer kien ipprovdut biss mill-Gozo Channell illum hemm alternattivi oħra. Fost dawn hemm is-servizz tal-fast ferry, li l-Gvern jinsab determinat li jkompli jsaħħaħ fiż-żmien li ġej. 

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar ir-Rural Airfield f’Għawdex u qal li x-xogħol fuq dan il-proġett se jkompli għaddej. “Dan hu proġett li se jsir fuq art li diġà hi kommessa biex isir żvilupp simili. Se nieħdu inqas raba’ u bl-inqas impatt ambjentali. Is-sena d-dieħla jkollna l-permess u wara nibdew dan il-proġett,” huwa żied jgħid.

Huwa aċċena wkoll dwar il-programm ambizzjuż ta’ toroq ġodda fejn qal li din is-sena sa issa saru xejn inqas minn 85,000 metru ta’ tarmak madwar Għawdex. Dan ifisser żieda ta’ 25% fuq l-istess rekord ta’ xogħlijiet li sar is-sena li għaddiet. 

“Fl-aħħar ta’ din is-sena mistennija titlesta t-triq prinċipali li mill-Port tal-Imġarr twasslek san-Nadur, il-Qala u Għajnsielem. Għas-sena d-dieħla ġew allokati €8 miljun biex inkomplu dan il-programm b’saħħtu ta’ bini ta’ toroq f’Għawdex,” spjega l-Ministru Camilleri.

“It-toroq u l-infrastruttura se jibqgħu jkunu prijorità. Dak li ħaddieħor ħalla jiddeterjora u jikkrolla f’25 sena aħna qed nagħtuh mill-ġdid. Qed nagħmlu toroq li l-aħħar li raw xogħol fuqhom kien fis-snin 70.”

Huwa iżda qal li l-infrastruttura ma tiqafx biss mat-toroq. Hemm infrastuttura fuq proġetti li jsaħħu l-potenzjal ta’ Għawdex. Matul din is-sena tlesta x-xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni tal-Mużew t’Għawdex filwaqt li x-xogħljiet ta’ restawr fuq dan il-mużew waslu fl-aħħar fażi tagħhom. 

Semma wkoll il-bini taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li jinkorpora fih pixxina ta’ daqs Olimpiku u żieda ta’ aktar faċilitajiet sportivi fl-istess padiljun. L-akbar investiment fl-isports ġewwa din il-gżira.

Matul l-aħħar xhur komplew x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi filwaqt li bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-moveable pool floor u insulated panel system sabiex ikun qed jissaqqaf dan l-istess ċentru.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jitkomplew matul is-sena d-dieħla. Il-Ministru Camilleri qal li “dan il-proġett se joffri faċilitajiet ġodda u moderni għall-Għawdxin kif ukoll għal dawk kollha li se jkunu qed jiffrekwentaw dan il-post. Għall-ewwel darba permezz ta’ dan il-proġett se nattiraw turiżmu sportiv ġewwa din il-gżira. Din hi ħolma li se narawha ssir realtà.”

Tkellem ukoll dwar ir-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Munxar li se titlesta fil-ġimgħat li ġejjin filwaqt li beda x-xogħol fuq ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Sannat. Żied isemmi li s-sena d-dieħla mistennija jibdew x-xogħlijiet ta’ bini ta’ blokok ta’ appartamenti ta’ akkomdazzjoni soċjali fl-inħawi magħrufa bħala Taċ-Ċawla.

F’Għawdex ukoll l-edukazzjoni qed tingħata l-importanza li tixirqilha u fost ir-rinovar li qed isir fl-iskejjel se jitkompla x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur kif ukoll dik tar-Rabat. Apparti hekk, ġie estiż in-network tan-New Water biex aktar bdiewa Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sors alternattiv tal-ilma għall-ħtiġijiet tagħhom. 

Sport