Thursday, December 26, 2024

IL-PROBLEMA TAL-MEDIĊINI

Aqra wkoll

F’pajjiż taċ-ċokon tagħna hu inevitabbli li jqumu problemi meta niġu biex niżguraw li se nsibu biżżejjed provisti ta’ prodotti vitali li neħtieġu. Minn dejjem din kienet problema.

Hi waħda li tqum mhux l-anqas fil-qasam tal-mediċini. F’komunità ċkejkna, il-bżonnijiet għalihom – vitali għal min jeħtieġhom – jibqgħu dejjem ċkejkna. Min jipprovdihom iqis li l-volumi meħtieġa tant huma żgħar li mhumiex “vala la pena”. Meta jiġu stokkjati, tant il-prezz tagħhom jisfa għoli, li ħadd … jew ftit ftit wisq,.. se jkunu jistgħu jħallsu għalihom.

Ma nafx jekk qattx dil-problema perenna se tkun tista’ tiġi maħlula darba għal dejjem. Għalhekk, l-inizjattivi li qed imexxi l-gvern biex jilqa’ għaliha huma meritevoli ħafna.

Suppost li s-“solidarjetà” Ewropea għandha tagħti lilna… u lil min jinsab f’qagħda periferali bħal tagħna… spalla biex tinstab soluzzjoni xierqa. Morda f’komunitajiet ċkejkna m’għandhomx jispiċċaw imċaħħda minn xi kura ġdida għall-gwaj li jolqothom, b’ubbidjenza għar-regoli ta-suq ħieles.

IL-BINJA TAL-EWRO

Wara l-kriżi finanzjarja tas-snin 2008-2012, iddaħħlu riformi profondi fit-tmexxija taż-żona tal-ewro. Kienu misjuqa mill-paniku politiku li ż-żona se tikkollassa.

Irnexxew. Jekk dan ġarax minħabba kemm kienu addattati jew għal raġunijiet oħra, jien ma nistax ngħid. Inqalgħu tempesti enormi sakemm ġew maqbula.
B’saħħithom, iż-żona tal-ewro mhux biss baqgħet tferfer, talli kisbet rispettabiltà ġdida.

Il-problema hi li r-riformi li ddaħħlu kellhom imorru aktar bogħod milli waslu sa issa (kważi tlettax-il sena minn meta nbdew). Ġara li bis-suċċess li nkiseb, bil-mod kif tnaqqset l-urġenza għal miżuri radikali, bis-suspetti li żdiedu fost l-interessi nazzjonali konċernati bejn u lejn xulxin… it-tkomplija tal-proġett tal-ewro baqa’ mwaħħal.

Is-sens ta’ urġenza ntilef.

IL-BBC

F’żogħżiti kont inqis il-British Broadcasting Corporation, il-BBC, bħala l-aqwa għajn ta’ aħbarijiet u informazzjoni ġejja mid-dinja kollha. Mhux biss għax kont nemmen li l-BBC qed tgħid il-verità, imma wkoll għax kienet qed tippreżenta l-aħbarijiet dinjin fattwalment.

Kienet tagħmel dan b’mod awster, imma “uman”. Min iwassal l-informazzjoni kien jinħass bħala persuna li taf x’qed tgħid, bi stqarrijiet fattwali u korretti.
M’għadnix konvint li anke dakinhar l-affarijiet kienu hekk.

Imma llum żgur m’għadnix inqis l-informazzjoni mwassla mill-BBC b’dal-mod, anke jekk għadni nsegwiha. Fi sforz biex tkun “popolari” fil-medja soċjali, saret tħallat wisq (talanqas fuq l-internet) preżentazzjonijiet ta’ stil magazine ma’ aħbarijiet kurrenti. Dawn il-“features” mhux dejjem ikunu daqstant tajba jew interessanti.

L-agħar imma hu li l-aħbarijiet kif imwassla mhux dejjem jinħassu fattwali. Min jaf għaliex…

Nistħajjel li fl-imgħoddi hekk kien jiġri wkoll. Dak iż-żmien ma kontx ninduna.

Ekonomija

Sport