Tuesday, July 1, 2025

IL-PROBLEMI JKOMPLU

Aqra wkoll

Kif wieħed seta’ jistenna, l-problemi fil-qasam tal-kostruzzjoni ma nqatgħux, minkejja l-passi li ttieħdu biex tiddaħħal aktar regolamentazzjoni u dixxiplina. Niftehmu: il-problemi mhumiex finanzjarji. Jirrigwardjaw l-integrità teknika ta’ kif jitfasslu u jitwettqu l-proġetti. Jekk din ma tkunx salvagwardjata, l-inċidenti fatali u oħrajn, il-kollass tal-binjiet, l-indifferenza lejn il-ħteġiet taċ-ċittadini komuni fl-ambjent fejn jgħixu ħajjithom se jibqgħu magħna… kif għamlu.

Diffiċli tgħid għaliex dan baqa’ jiġri jekk ma tammettix li bilfors jeżistu kompjaċenzi regolari bejn iċ-ċrieki politiċi u l-imprendituri ewlenin tal-bini. Pereżempju, diffiċli tifhem kif wara daż-żmien kollu li ilha tidher bħala anomalija, bqajna b’sistema fejn jekk ikun hemm appell kontra deċiżjoni dwar it-twettiq ta’ proġett b’ċertu mod, waqt li jkun għaddej is-smigħ tal-appell, il-proġett jista’ jitkompla kif propost. Meta l-appell jiġi miċħud, ikun tard wisq, għax il-proġett twettaq. Li dil-ħaġa baqgħet tiġi tollerata (minkejja kull ma jintqal) juri ċar għaliex fil-kostruzzjoni, il-problemi komplew.

KURA PALJATTIVA

Dawk li huma favur il-mewt assistita u dawk li huma kontra jaqblu fuq ħaġa waħda: il-ħtieġa li jkollna fil-pajjiż struttura soda ta’ kura paljattiva. Biha pazjenti b’mard kbir li għalih m’hemmx fejqan, jingħataw kull għajnuna medika u oħra biex jgħixu l-aħħar żmien tagħhom bl-anqas uġigħ u tensjoni possibbli. Il-gvern għandu jiżgura li s-servizzi ta’ kura paljattiva jkunu tal-aqwa kwalità possibbli.

Ta’ kontra l-mewt assistita jħossu li daqshekk biżżejjed. Iġibu argumenti psikoloġiċi, soċjali, reliġjużi u mediċi għaliex jemmnu hekk u ma jaċċettawx it-tweġibiet li jingħataw għalihom. Fejn jibqgħu siekta hu għal dit-tip ta’ mistoqsija: Jekk minkejja li tingħata l-aqwa kura paljattiva, persuna tibqa’ tbati minn uġigħ li ma jinfelaħx (kif ġieli jiġri f’ċerti tipi ta’ kanċer) għandna ninjoraw ix-xewqa tagħha biex ma tkomplix issofrih? 

GAZA

Taħseb x’taħseb dwar il-gwerra bejn Iżrael, l-Istati Uniti u l-Iran, ikollok tammetti li żgur kellha wkoll l-effett li l-gwerra fil-Gaza żelqet ’il barra miċ-ċentru tal-aħbarijiet dinjin. L-Iran hu pajjiż kbir, fih id-doppju tal-Iraq; li l-Istati Uniti jerġgħu jiddeffsu fil-ġlied li baqa’ sejjer fil-Lvant Nofshani u lil hinn minnu bilfors jitqies bħala sinjifikattiv ħafna u b’konsegwenzi enormi.

Biss sadattant, il-ħidma militari tal-Iżrael fil-Gaza baqgħet għaddejja. Fiha donnu ma jimportax kemm jinqatlu nies ċivili minn jum għal jum. Il-ġuħ baqa’ jintuża biex jiddispra lin-nies u jħaffef l-attakki tas-suldati Iżraeljani. Il-ħruxijiet li jitwettqu jibqgħu ma jiġux rapportati, kważi fuq l-istess skala bħal ma qed jiġri fl-Iran kemm ilu jiġi attakkat.

M’għandniex inħallu xinhu għadu qed jiġri f’Gaza (effettivament ġenoċidju) jintnesa jew jitwarrab.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport