Friday, May 3, 2024

“Il-proċedura ta’ tfittxija mill-Pulizija fuq nisa jsiru fil-preżenza ta’ pulizija nisa”

Il-każ tal-Ġermaniża li spiċċat il-Qorti wara tfittxija fil-partijiet intimi tagħha minn Tabib raġel

Aqra wkoll

Il-każ tal-mara Ġermaniża, Jennifer Koster, li fetħet kawża wara li mal-wasla tagħha f’Malta ġiet arrestata u saritilha tfittxija minn tabib raġel fil-partijiet intimi tagħha fejn hi allegat fil-Qorti li da sar fil-preżenza ta’ pulizija maskili, ġie riferut minn dan is-sit lill-Ministeru għall-Intern, Sigurtà, ir-Riforrmi u l-Ugwaljanza. Min-naħa tal-Ministeru, dawn sostnew li l-proċedura tal-Pulizija meta jsiru tfittxijiet fuq suspettati nisa, kienu u għadhom isiru fil-preżenza ta’ pulizija nisa.

Fil-Qorti din il-mara qalet li l-aġir mill-Pulizija poġġieha f’sitwazzjoni imbarazzanti, umiljanti u degradanti  u l-Qorti tatha raġun. Il-Ministeru għall-Intern qal li huwa infurmat li l-każ imsemmi huwa magħluq b’deċiżjoni tal-Qorti tal-2021. Dawn żiedu jgħidu li, “irid jingħad iżda, li t-tfittxija fuq Jennifer Koster ftit wara li ġiet arrestata fi Frar 2015 saret fl-Isptar Mater Dei minn tobba fil-preżenza ta’ żewġ pulizija nisa. Dan joħroġ minn xhieda li tat Jennifer Koster stess taħt ġurament fil-Kawża Kostituzzjonali f’April 2015”. 

Il-Ministeru saħaq li filwaqt li jeħtieġ ikun żgurat li d-drittijiet ta’ persuni suspettati jkunu mħarsa, jeħtieġ f’kull mument li tkun protetta s-soċjetà minn allegat kriminali.

Sadanittant, f’sentenza mill-Qorti li ngħatat fl-aħħar ta’ April 2022, ħareġ li l-mara Ġermaniża qalet li wara t-tfittxija li saritilha fuq persuntha fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija tas-sess maskili, intalbet li tieħu s-suppożitorji biex tipporga. Wara li ppurgat hija ġiet mogħtija borża tal-plastik (u lanqas ingwanti), biex tfittex hija stess, fl-‘excretes tagħha’. 

Wara l-arrest u tfittxijiet kif ingħad, hija ġiet rilaxxata u qatt ma nġabu akkużi fil-konfront tagħha peress li ma rriżulta xejn illegali. Il-Ġermaniża qalet li  dan l-aġir tal-Pulizja poġġa lilha f’sitwazzjoni imbarazzanti, umiljanti u degredanti għall-persuna tagħha.  Hija fetħet proċeduri fuq dewmien biex tinqata’ l-kawża bil-qorti Kostituzzjonali tagħmnel kritika dwar id-dewmien li kien hemm f’dan il-każ u tat kumpens ta’ €3,000 lill-mara Ġermaniża.

Mis-sentenza tal-Qorti joħroġ li fis-27 ta’ Frar tas-sena 2015 hi fetħet proċeduri kostituzzjonali fejn  ikkontendiet illi l-arrest tagħha kien wieħed illegali u konsegwentement arbitrarju ai termini tal-artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u ai termini tal-artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll jilledi d-drittijiet fundamentali tagħha għal ħarsien mill-probizzjoni tat-tortura u trattament jew piena degradanti jew inumana hekk kif sanċiti fl-artikolu 36 tal-Kostituzzjoni u fl-artikolu 3 tal-istess Konvenzjoni. I

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali qalet li, ‘huwa ċar illi l-konvenuti ma poġġew fis-seħħ l-ebda protokoll dwar kif għandhom isiru dawn il-proċeduri. Mill-provi rriżulta ċar illi l-eżamijiet invażivi li saru fuq l-appellanti seħħew biss għaliex l-ewwel tabib illi eżamina l-x-rays tagħha irraporta li seta’ kien hemm xi dellijiet suspettużi fuqhom. It-tieni tabib li ra dawn l-x-rays imbagħad għamilha ċara illi dawn l-x-rays ma kienu joħolqu l-ebda raġuni valida biex isiru eżamijiet invażivi fuq l-appellanti. Però ma jidhirx illi hemm xi protokoll fis-seħħ illi jeħtieġ li tittieħed opinjoni oħra qabel ma jsiru eżamijiet invażivi fuq il-persuna. Huwa ċar illi, li kieku ġie kkonsultat tabib ieħor qabel ma saru dawn il-proċeduri invażivi fuq Jennifer, hija ma kienx ikollha tissubixxi l-istess. Inoltre, lanqas ma jirriżulta illi l-uffiċjali li akkompanjaw lill-appellanti waqt din il-proċedura ngħataw taħriġ dwar kif għandha ssir din il-proċedura b’mod li jirrispetta d-dinjita tal-individwu partikolari u ma jżidx mal-umiljazzjoni li proċedura bħal dik diġa’ ta’ bilfors tinvolvi.”

Intqal li “fil-fehma ta’ din il-Qorti, anke kieku kellu jiġi aċċettat illi l-fatt waħdu li Jennifer ġiet kostretta tfittex hija stess fl-excrement tagħha ma jlaħħaqx il-grad rikjest biex jitqies bħala trattament degradanti, meta kkombinat mal-fatt illi l-appellanti tħalliet maħmuġa u mneżża sakemm instab il-fardal u saret it-tfittxija, il-Qorti hija tal-fehma illi meħud dawn iċ-ċirkostanzi kollha in konsiderazzjoni, Jennifer sofriet trattament degradanti. L-appellati kellhom id-dover illi kemm jista’ jkun inaqqsu jew itaffu l-aspett imbarazzanti u umiljanti tal-proċeduri li għalihom ġiet sottoposta l-appellanti u jassiguraw li dawn isiru bl-aktar mod dinjituż possibbli. Mill-provi jirriżulta ċar illi l-appellati m’għamlux dan u ssottoponew lill-appellanti għall-trattament degradanti, bi ksur ċar tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant dan l-aggravju qiegħed jiġi milqugħ. 

Fir-rigward tar-rimedju xieraq, il-Qorti qieset illi l-appellanti għandha tirċievi mingħand l-appellati s-somma ta’ elf ewro (€1,000) bħala kumpens għad-danni morali subiti minnha u dan in vista tal-fatt illi l-proċeduri kollha saru bil-kunsens sħiħ tal-appellanti li saħansitra talbet hija stess li jsiru eżami mediċi fuqha biex turi l-innoċenza tagħha. 

Sport