Friday, May 3, 2024

Raġel imut wara argument bejn grupp ta’ Sirjani f’Għawdex

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 25 sena tilef ħajtu wara argument bejn diversi rġiel. Il-każ seħħ lbieraħ, għall-ħabta tad-9.00p.m. f’appartament fi Triq il-Wied, Marsalforn, Għawdex.

Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post fejn ġie kkonfermat ir-rapport. Waqt li kienu hemm, il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li tlett irġiel daħħlu l-isptar raġel mitluf minn sensih u b’daqqiet ta’ sikkina.

Sfortunatament, ir-raġel, li huwa Sirjan u għandu 25 sena, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-argument seħħ bejn grupp ta’ Sirjani li l-età tagħhom tvarja bejn l-24 sena u d-29 sena u waqt l-argument intużaw diversi oġġetti iebsin fosthom injam, siġġijiet u s-sikkina.

L-isptar iddaħħlu wkoll tlett irġiel oħra li kienu involuti fl-argument u li għadhom qed jinżammu għal osservazzjoni minħabba xi ġrieħi li ġarrbu, taħt sorveljanza tal-pulizija.

It-tlett irġiel li ħadu lill-vittma l-isptar u raġel ieħor ġew arrestati u qed jinżammu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Għawdex dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.

Sport