Il-proċess tal-akkwist biex jintgħażel l-operatur tal-faċilità waste-to-energy f’Malta laħaq tragward ieħor hekk kif WasteServ, skond l-iskeda stabbilita, talbet formalment lill-ħames konsorzji pre-selezzjonati biex jissottomettu l-aqwa offerti finali tagħhom. Dan l-istadju intlaħaq wara li ġie konkluż l-istadju ta’ negozjati nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Ġunju 2023.
Il-ħames konsorzji għandhom sal-31 ta’ Lulju 2023 biex jissottomettu d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa. Wara dan il-kuntrattur li se jkun qed jirbaħ il-kuntratt irid jibda x-xogħolijiet fuq il-post kmieni f’Jannar tas-sena d-dieħla.
Sabiex jitħaffef iktar il-proġett, WasteServ wettqet ukoll ix-xogħlijiet ta’ svakar meħtieġa li issa ġew kompluti. Il-livell meħtieġ tas-sit intlaħaq u l-bunker tal-iskart ġie mħaffer ukoll. Fadal xi xogħlijiet żgħar fuq l-istazzjon tal-ippumpjar tal-ilma baħar li se jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin, ferm qabel l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt tax-xogħlijiet prinċipali.
L-impjant waste-to-energy jagħmel parti mill-investiment kapitali ta’ €500 miljun fil-proġett ECOHIVE. Dan se jkun qed jippermetti lill-pajjiż jitbiegħed mid-dipendenza storika tiegħu ta’ rimi fil-miżbliet biex b’hekk nimxu lejn ekonomija ċirkolari Dan l-impjant se jkun qed jipproċessa madwar 192,000 tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli li bħalissa qiegħed imur fil-miżbla biex minflok jiġi mibdul f’enerġija ħadra. Dan l-impjant se tkun qed tikkontribwixxi għal madwar 4.5% tal-bżonnijiet tal-enerġija ta’ Malta.