Jon Landau, il-produttur u rebbieħ tal-Oscar ta’ wħud mill-aqwa films li kisbu l-aktar qligħ mad-dinja kollha, fosthom Titanic u Avatar – miet fl-età ta’ 63 sena. Huwa tilef ħajtu l-Ġimgħa wara battalja kontra l-kanċer li damet aktar minn sena.
Oħtu Tina kkonfermat din l-ħabar fuq il-midja soċjali. “Qalbi maqsuma iżda wkoll mimlija bi kburija u gratitudni għal dak li għamel ħija tul ħajtu, l-imħabba u r-rigali li tani, u dawk kollha li kienu jafu lilu jew il-films tiegħu.”
Landau kien iben il-produtturi ta’ Hollywood Ely u Edie Landau u għal xi żmien kien jifforma parti mill-eżekuttiv fil-kumpanija tal-produzzjoni tal-films 20th Century Fox, fejn kien jissorvelja films fosthom The Last of The Mohicans u Die Hard 2.
Flimkien ma’ James Cameron, huwa għen biex jittella’ Titanic tal-1997, li kien l-ewwel film li qabez iċ-ċifra ta’ $1 biljun fil-box office globali. Aktar tard il-films Avatar u s-sequel tiegħu Avatar: The Way of Water, li nħarġu fl-2009 u fl-2022 rispettivament, kienu kisru r-rekord ta’ Titanic.