Thursday, June 19, 2025

Il-professjoni veterinarja b’qafas għar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar

Aqra wkoll

L-imħabba lejn l-annimali mhix biss sentiment iżda hija wkoll impenn profond li tinfirex matul il-ħajja ta’ dak li jkun, sew jekk qed trabbi xi animal int id-dar jew aktar minn hekk jekk ix-xogħol u l-karriera tiegħek ikunu marbuta mal-annimali, fejn trid tara wkoll li dawn qed jiġu mħarsa b’mod tajjeb u kif jixraq. Veterinarji u infermieri veterinarji jinġiebu lkoll ikollhom din il-passjoni vera u kbira, mogħnija bi ħsieb empatiku, tant li huma meqjisa bħala bnedmin u li għalhekk iqum il-ħsieb u l-impenn li jridu jieħdu ħsieb dawn il-ħbieb silenzjużi tagħna, għax m’għandhomx leħen b’tant dedikazzjoni. Huma jagħtu ħin u enerġija bil-kura u l-konsultazzjoni, joffru kuntatt lill-annimali morda u s-sostenn meħtieġ.

Il-professjoni veterinarja, kif jgħid Tom Meyer minn AVMA, “teħtieġ impenn altruwistiku biex isservi l-bżonnijiet tal-annimali” Kull dehra fil-klinika jew operazzjoni mhux sempliċement xogħol iżda huwa vokazzjoni. B’din il-ħidma, dawn il-professjonisti qed isalvaw mijiet ta’ ħajjiet u jipprovdu serħan tal-moħħ kemm għal annimali kif ukoll għas-sidien tagħhom li ċertament qed irabbuhom f’għożża.

Għalkemm il-karriera tista’ tkun intensiva, emozzjonalment u fiżikament, u l-imħabba vera lejn l-annimali u d-dedikazzjoni tal-professjonisti huma sors ta’ ispirazzjoni u tama għal kulħadd, xorta jkun hemm bżonn ta’ ħarsien li kollox miexi skont il-liġi u għalhekk jeħtieġ ukoll li jiġu sorveljati li kollox qed isir kiif għandu jsir.

F’Malta, il-professjoni veterinarja hija rregolata b’mod strett skont il-Kapitolu 437 tal-Liġijiet ta’ Malta – l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji. Dan l-att jistabbilixxi l-qafas legali għall-prattika tal-veterinarji u l-professjonijiet komplimentari, li għalhekk tibda minn professjonisti bħall-farmaċisti veterinarji sa dawk involuti fil-manifattura u distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji, dejjem inżommu f’moħħna l-kura u l-ħarsien tal-annimali.

Il-Kunsill tal-Veterinarji huwa l-entità responsabbli għall-għoti ta’ warants lill-veterinarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa, inkluż edukazzjoni formali u kwalifiki professjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill jissorvelja l-kondotta professjonali u jżomm reġistru pubbliku tal-veterinarji li għandhom warrant validu. Dan l-aħħar ġejna wkoll infurmati b’avviż Legali dwar ir-Regolamentazzjoni ta’ Diversi Professjonijiet u Snajja’ Komplementari għall-Professjoni Veterinarja.

Dan wara li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda abbozz ta’ Avviż Legali li għandu l-għan li jirregola diversi professjonijiet u snajja’ li jikkumplementaw il-professjoni veterinarja. Dawn jinkludu: Infermiera Veterinarji Elenkati, Infermieri Veterinarji Reġistrati, Assistent Veterinarju, Tekniċi Veterinarji, Teknoloġista Veterinarju, Groomer, li hija l-kura estetika tal-annimali, Ferrier (li tfisser il-ħaddied għall-annimali), Speċjalista fis-Saħħa tal-Ħut, u Trainer tal-Annimali. Wieħed mela jifhem l-importanza li jkun hemm regolarizzazzjoni għax din hija qasam li tifrex f’ħafna oqsma oħra.

Tkellimna ma’ Dr Natalino Caruana De Brincat dwar x’tinvolvidin il-konsultazzjoni u qalilna li din hija “inizjattiva min-naħa tal-Ministeru wara ħidma bis-sħiħ tal-Kunsill Veterinarji, li bażikament l-intenzjoni tiegħu hi li hemm professjonijiet u karigi oħra li għandhom bżonn jiġu regolati, fosthom il-groomer. Dan biex fl-aħħar nett jiġi niedi u jkun hemm qafas kif suppost legali biex dawn il-professjonijiet jiġu regolati taħt il-Kunsill Veterinarji Malti.”

Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni proposta kif spejga tajjeb Dr Caruana Debrincat, ser tkun qed tistabbilixxi qafas għar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar tal-professjonijiet u snajja’ supplimentari għall-professjoni Veterinarja, bl-għan li tiġi żgurata livell għoli ta’ professjonalità kif ukoll trattament xieraq tal-annimali li ħafna minna nqishom bħala membri tal-familja jew anke bħala l-akbar ħbieb tagħna.

Tkellimna wkoll fuq ir-rwol tiegħu bħala Chairperson f’dan il-qasam u jispjega li l-involviment tiegħu “kien appuntat bħala chairperson min-naħa tal-Ministeru biex nassigura li dawn id-drafting ta’ leġiżlazzjoni nara li l-proċess jibda, issir il-konsultazzjoni u biex finalment kif intqal fil-manifest elettorali tal-Gvern jiġu implimentati dawn ir-regolamenti sabiex finalment ikun hemm dan il-qafas legali biex ikun jista’ jkun regolat u kulħadd ikun jista’ jeżerċitaha. Ejja niftakru li dawn il-professjonijiet, bħalma huma l-groomers, u saħansitra veterinary nurses huma lkoll estensjoni diretta tal-provizzjoni tal-Vetenirarija u fil-manifest elettorali kien ċar li ried jiġu regolati sabiex ma jkunx hawn dik l-idea li kulħadd jagħmel li jrid filwaqt li jkun hemm sorveljanza ta’ xi jkun qed jiġri.”

Huwa rringrazzja lill-Ministru Anton Refalo, lis-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tal-involviment tagħhom dirett biex dan il-proċess jitnieda u finalment jasal sal-barkun kif jgħid il-Malti.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika se jibqa’ miftuħ għal ħames ġimgħat. Kull min jixtieq jagħti l-fehma tiegħu jew għandu xi mistoqsijiet għandu jibgħat il-kummenti tiegħu permezz tas-sit konsultazzjoni.gov.mt.

Se ssir ukoll laqgħa ta’ konsultazzjoni nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Lulju 2025. Dawk li jixtiequ jattendu huma mitluba jirreġistraw l-interess tagħhom billi jibagħtu email fuq [email protected]

Dawn il-miżuri kollha għandhom l-għan li jiżguraw li l-professjoni veterinarja u l-professjonijiet komplementari f’Malta joperaw b’mod sigur, etiku u skont l-istandards internazzjonali, filwaqt li jipproteġu s-saħħa tal-annimali u l-benesseri pubbliku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport