Friday, December 20, 2024

Il-Professur Godfrey La Ferla jinħatar Kummissarju għall-Persuni Anzjani

Aqra wkoll

Il-Professur Godfrey La Ferla nħatar bħala l-Kummissarju ġdid għall-Persuni Anzjani. 

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela rringrazzja lil Dr Mary Vella għall-ħidma tagħha billi  serviet f’dan l-irwol għal numru ta’ snin u awgura l-ħidma t-tajba lill-Kummissarju l-ġdid, il-Professur La Ferla.

Ħidmet il-Kummissarju huwa li jippromwovi u jħares l-aħjar interessi tal-anzjani kollha f’Malta u Għawdex.  L-għan tal-Kummissjoni hu li toħloq aktar għarfien dwar id-drittijiet u d-dinjità tal-anzjani fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Il- Professur Godfrey La Ferla twieled f’San Ġiljan fl-1954. Studja fil-kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara u l-Università ta’ Malta. Iggradwa bħala tabib f’Londra fl-1977.

Wara li lesta l-housemanship fin-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra, beda l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu fil-kirurġija f’Cambridge u sussegwentament fi Glasgow. Fl-1982 ġie elett bħala Fellow tar-Royal College of Surgeons ta’ Edinburgh, Glasgow u l-Ingilterra.

Fl-1987, ngħata d-Dottorat fil-Filosofia (Ph.D.) mill-Università ta’ Glasgow u d-Dottorat fil-Mediċina u Kirurġija (M.D.) mill-Università ta’ Malta.

Il-Professur La Ferla nħatar bħala Konsulent tal-kirurġija fl-isptar San Luqa fl- 1991, u sussegwentament fl-isptar Mater Dei okkupa din il-kariga sakemm irtira mix-xogħol kliniku fl-2017. Huwa serva bħala Chairman tad-Dipartiment tal-Kirurġija mill-2001-2013.

Fl-1991, kien mogħti il-Professorat tal-Kirurġija mil-Universita ta’ Malta, kien ġie elett bħala Kap tad-Dipartiment Universitarju tal-Kirurġija fl-2001 u Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fl-2003. Huwa kien qed jokkupa dawn il-karigi sal-lum.

Fl-2017, il-President tar-Repubblika ta’ Malta ħatritu bħala Membru tal-Ordni tal-Mertu għall-kontribuzzjonijiet tiegħu lejn il-mediċina u ġie rikonoxxut b’Gieħ Ħal Balzan għax-xogħol li wettaq fuq livell nazzjonali.

Ekonomija

Sport