Tuesday, May 14, 2024

Koppja mixlija bi traffikar uman u li mexxiet burdell

Aqra wkoll

Koppja minn Santa Venera nżammet arrestata wara li ġiet mixlija bi traffikar uman u li kienu qed imexxu burdell. 

L-akkużati Duncan u Francesca Caruana, li għandhom 35 u 29 sena rispettivament, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. 

L-Ispettur Joseph Busuttil, stazzjonat il-Vice Squad, spjega kif il-Pulizija rċeviet informazzjoni kunfidenzjali dwar proprjetà f’Wied il-Għajn li setgħet kienet qed tintuza bħala burdell.

Il-proprjetà tpoġġiet taħt sorveljanza u ġie nnutat li kien hemm diversi rġiel li bdew deħlin u ħerġin mill-istess proprjetà.

Wara li nħareġ mandat t’arrest, il-Pulizija daħlu ġewwa r-residenza u arrestaw tliet nisa. Tnejn minnhom kienu arrestati l-Erbgħa li għadda u t-tielet waħda nstab li kienet vittma ta’ traffikar tal-bnedmin u ma ġietx akkużata fil-Qorti. 

Duncan Caruana kien arrestat waqt ir-rejd. Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa kien jiġbor il-ħlas mingħand il-klijenti, li kienu jitħallsu €50 għal 30 minuta jew €100 għal siegħa sħiħa, bin-nisa jżommu nofs il-flus. “L-investigaturi kkonkludew li mart Duncan kienet involuta wkoll fit-tmexxija tal-burdell billi kienet tagħmel laqgħat ma’ klijenti,” qalet il-Prosekuzzjoni. 

Huma baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal divjet fuq isem l-akkużati billi qalet li ma kien hemm l-ebda raġuni legali għal dan. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Nathaniel Falzon u Ramon Bonett Sladen mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Edward Gatt, Mark Vassalo, Ishmael Psaila u Shaun Zammit dehru għar-raġel. 

Sport