Madwar 15-il persuna minn diversi għaqdiet fil-Ħamrun ingħataw taħriġ dwar l-użu tal-AED bħala parti mill-Proġett ResQ, inizjattiva tal-għaqda volontarja Ħamrun Sporting iffinanzjata permezz tal-Quality of Life Small Grants Scheme tal-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat. Il-proġett twieled mill-esperjenza personali taċ-Chairperson ta’ Ħamrun Sporting, Jurgen Buhagiar, bħala missier ta’ tifel ta’ erba’ snin li jbati minn kundizzjoni rari magħrufa bħala rheumatic heart disease.
Żaret din is-sessjoni ta’ taħriġ il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Is-sessjoni ta’ taħriġ saret is-Sibt, 12 ta’ Settembru 2026, fiċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ tal-Ħamrun. Matulha, il-parteċipanti tgħallmu l-prinċipji bażiċi dwar l-użu ta’ Automated External Defibrillator (AED), kif ukoll kif għandhom jirreaġixxu b’mod korrett, sigur u effettiv f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Fit-taħriġ ħadu sehem rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji Ħamruniżi, fosthom Ħamrun Sporting, Ħamrun Spartans, Ħamrun Ħanin, Ħamrun Scouts and Guides, il-Parroċċa tal-Kunċizzjoni tal-Ħamrun u l-każini tal-banda tal-lokalità. B’dan il-mod, l-għarfien miksub jista’ jkompli jinfirex fost aktar persuni u għaqdiet fil-komunità.
Bħala parti mill-istess proġett, inxtraw ukoll żewġ AEDs. Wieħed ġie installat fiċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ, filwaqt li l-ieħor tqiegħed fil-knisja parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun, ħdejn il-bieb prinċipali. Dawn l-apparati issa jinsabu f’postijiet ċentrali u aċċessibbli sabiex ikunu jistgħu jintużaw f’każ ta’ emerġenza.
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li l-Proġett ResQ huwa eżempju konkret ta’ kif l-għaqdiet volontarji jistgħu jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom u jindirizzawhom permezz ta’ inizjattivi prattiċi. “Permezz tal-iskemi ta’ finanzjament tal-Ministeru, u l-entitajiet tiegħu, qed inkomplu nsostnu inizjattivi mmexxija mill-għaqdiet volontarji li jħallu impatt dirett fil-komunitajiet tagħna. Dan il-proġett mhux biss wassal għall-installazzjoni ta’ żewġ apparati importanti, iżda żgura wkoll li persuni minn diversi għaqdiet lokali jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jirreaġixxu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Din il-kollaborazzjoni tista’ tagħmel differenza reali u saħansitra ssalva l-ħajjiet,” spjegat il-Ministru Farrugia.
Min-naħa tiegħu Jurgen Buhagiar qal, “Għalija, ResQ għandu tifsira personali ħafna. Meta tkun ġenitur ta’ tifel li jgħix b’kundizzjoni rari tal-qalb, tifhem kemm hu importanti li l-komunità tkun imħejjija u li l-għajnuna tkun disponibbli fil-mument li jkun hemm bżonnha. Ridna nbiddlu esperjenza diffiċli f’azzjoni konkreta li tagħti aktar serħan il-moħħ lill-familji u aktar kunfidenza lil min jista’ jkollu bżonn jaġixxi f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.”
Il-Quality of Life Small Grants Scheme tappoġġja inizjattivi żgħar bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jsaħħu l-ġid fil-komunitajiet.
