Saturday, December 21, 2024

ARA: Il-proġett tal-Imsida Creek jibda fl-ewwel jiem ta’ Novembru

… l-ewwel fażi se jkollha impatt minimu fuq it-traffiku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

YouTube video

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Imsida Creek ser jibdew fl-ewwel jiem ta’ Novembru ta’ din is-sena, bl-ewwel fażi tiegħu se jkollha l-inqas impatt possibbli fuq it-traffiku. Dan kien ikkonfermat mill-periti ta’ Infrastructure Malta – Anton Zammit, Walter Portelli u Janice Borg – f’intervista ma’ IT-TORĊA. 

Il-periti spjegaw li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett se jkunu maqsuma f’diversi fażijiet. “Dan minħabba li f’kull deċiżjoni li nieħdu qed naraw li kemm jista’ jkun nimmitigaw l-impatt fuq il-komunità tal-Imsida. Ix-xogħlijiet ser iservu biex jinbena moll ġdid u jsiru l-pedamenti u l-bini tat-triq li tgħaqqad Ta’ Xbiex lejn il-Belt.” 

Fil-ġimgħat ta’ wara x-xogħlijiet ser jibdew it-tħejjijiet biex tinħoloq karreġġjata ġdida temporanja fit-telgħa ta’ Triq Mikiel Anton Vassalli biex wara jibda jsir xogħol ta’ rinfurzar mal-ħitan tal-ġnub tat-triq. 

“Iktar ‘il quddiem nimxu fuq in-naħa t’isfel tal-Imsida fejn hemm il-blokka tal-housing biex nibdew ix-xogħlijiet fuq is-servizzi.” tennew il-periti. 

Infrastructure Malta ħasbet ukoll biex 60% ta’ dan il-proġett ikun iddedikat għal spazji miftuħa. Barra minn hekk, it-traffiku se jimxi lil hinn miż-żona tal-Knisja biex tinħoloq pjazza mdaqqsa ta’ madwar 2,200 metru kwadru kif ukoll kanal tal-ilma b’tul ta’ 300 metru mdawwar b’passaġġ kontinwu li se jservi biex itaffi mill-problema tal-għargħar f’din iż-żona. 

Il-periti spjegaw ukoll li se jinħoloq parkeġġ fuq żewġ sulari filwaqt li l-proġett jaħseb ukoll għal konnessjonijiet siguri għaċ-ċiklisti u għal min jaqsam it-triq. Il-proġett se jinkludi wkoll il-bini ta’ flyover biex tieħu post il-junction tat-traffic lights filwaqt li din il-karreġġjata se tkun imdawra b’noise barriers. 

Il-proġett qed naqsmuh f’fażijiet differenti b’komunikazzjoni kontinwa mal-pubbiku. Għal dan il-għan inħoloq WhatsApp Channel biex naġġornaw lill-pubbliku bi żviluppi kontinwi. Ser jitqassmu wkoll flyers biex il-pubbliku jkun infurmat bl-andament tax-xogħlijiet,” temmew jgħidu l-periti.

Dan il-proġett mistenni li jitlesta fl-2027.

Skennja l-QR code biex iżżomm ruħek aġġornat dwar il-proġett tal-Imsida Creek

Ekonomija

Sport