Tuesday, December 24, 2024

IL-PROĠETT TAL-PALAZZ: KBURIN LI AĦNA MALTIN

Aqra wkoll

Il-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru fiċ-ċentru tal-Belt Kapitali Valletta huwa l-ikbar proġett kulturali infrastrutturali li qatt sar fl-istorja moderna ta’ pajjiżna.  Proġett li reġa ta lura lill-Palazz il-glorja li kellu għal mijiet sħaħ ta’ sniin.

B’investiment ta’ €40 miljun, li parti minnhom kienu finanzjati minn fondi Ewropej, rajna lil Heritage Malta ġġib lill-Palazz fil-livell ta’ sbuħija li kellu fis-sniin imgħoddija, jekk ukoll mhux aqwa.

Kellu raġun il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li dan il-proġett juri mhux biss il-ħila tal-esperti u restawraturi tagħna imma wkoll il-ġid kbir li jista’ joħroġ meta pajjiżna jkun għaqli u b’saħħtu biex iġib lejn pajjiżna fondi Ewropej u iktar importanti minn hekk jutilizzahom kollha. 

Anki dak li qal il-Ministru Owen Bonnici, f’wieħed mill-iktar diskorsi emozzjoinanti dakinhar tal-inawgurazzjoni, illi l-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru kien kbir fit-twettieq tiegħu daqskemm kien fl-ippjanar. 

Biex mar-radd tas-salib u jibda x-xogħol, l-ewwel kellhom jiġu trasferiti ħafna mill-uffiċini li kien hemm. L-Uffiċju tal-Avukat Ġnerali waħdu kien jieħu l-pjan terran kollu u biex inħareġ minn hemm kellhom jitbattlu u jiġu restawrati żewġ binjiet oħra fi proġetti separati li kienu wkoll kbar u li attiraw investiment kbir. 

Ukoll peress li l-Palazz huwa l-akbar u l-eqdem sit bħala mużew li għandha Heritage Malta, hekk kif dan għalaq il-bibien fl-2019 wassal għal telf sostanzjali ta’ dħul għal Heritage Malta. Minkejja dan it-telf ta’ dħul, Heritage Malta baqgħet xorta waħda b’finanzi b’saħħithom u dawn jistgħu biss ikomplu jissaħħu hekk kif il-Palazz issa qed jerġa’ jilqa’ fih il-viżitaturi. 

Huwa ċar li t-tim ta’ tmexxija ta’ Heritage Malta qed jagħmel passi ta’ ġgant, grazzi wkoll għad-dedikazzjoni ta’ ħafna mill-ħaddiema tagħha. 

Fil-fehma ta’ dan il-ġurnal dan huwa wieħed mill-isbaħ żminijiet li qatt għaddew minnu s-setturi tal-arti, il-kultura u l-patrimonju storiku Malti. Biss għad fadal aktar x’isir għaliex pajjiżna tant għandu storja rikka li x-xogħol rikjest hu wieħed kbir u ma jieqaf qatt. 

F’dan is-sens nappellaw lill-awtoritajiet sabiex bl-istess mod li ġustament jingħata attenzjoni u prijorità lill-kamp ambjentali u l-ħtieġa ta’ spazji ħodor, hekk ukoll tingħata prijorità ugwali lill-kamp kulturali u l-ħtieġa ta’ aktar spazji kreattivi. 

Dan irid isir kemm fl-għoti ta’ fondi nazzjonali u forsi iktar importanti minn hekk fl-għoti ta’ fondi Ewropej biex ikunu jistgħu jsiru iktar proġetti. 

Meta wieħed jara dan il-proġett biss – proġetti oħra hemm ħafna u diversi fis-settur tal-kultura u l-wirt storiku – jinduna li ċertu kritika li saret mhux biss kienet inġusta imma wkoll ma tagħmilx sens.

Kull ċenteżmu li jiġi investit fis-settur tal-kultura u l-wirt storiku iġib lura ħafna u ħafna kburija nazzjonali. 

Aħna poplu u ġens kburi b’pajjiżna u bir-raġun. U għalkemm aħna poplu ċkejken, din il-ħidma kollha tagħmilna aktar kburin li aħna Maltin!

Ekonomija

Sport