Sunday, December 22, 2024

Il-proġett tar-riabilitazzjoni tal-Arkivji Nutarili wasal fl-aħħar fażi tiegħu

Aqra wkoll

Proġett ta’ €5 miljun wassal għar-riabilitazzjoni tal-Arkivji Nutarili. Permezz ta’ dawn il-fondi ser tiġi preservata l-kollezzjoni t’aktar minn 20,000 volum notarili ta’ prestiġju internazzjonali u ta’ valur storiku u soċjali. Ser tiġi mtejba wkoll l-aċċessibilità għar-riċerkaturi kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.

Fi żjara li għamlu fuq il-post, il-Ministru għall-Ġustizzja u Governanza, Edward Zammit Lewis, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li dan il-proġett wasal fl-aħħar stadji tiegħu.

Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; dawn il-fondi ingħataw lill-Arkivji Nutarili, fi ħdan l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, permezz tal-applikazzjoni għall-fondi mill-European Regional Development Fund (ERDF).

Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif dan il-proġett huwa t’importanza għaliex jorbot mad-dinja moderna tal-lum. Id-dinja qed timxi ’l bogħod mill-mezzi tradizzjonali ta’ preservar u aċċessibbiltà ta’ volumi bħal dawn. Dan il-proġett qed iġib miegħu t-trasformazzjoni ta’ żewġ binjiet: l-Arkivji Nutarili li jinsabu f’palazz tal-bidu tas-seklu 18, f’24, Triq San Kristofru, il-Belt Valletta u l-bini biswitu, 217, Triq San Pawl. Dawn iż-żewġ binjiet ser ikunu qegħdin jiġu interkonnessi. L-għan aħħari dejjem jibqa’ li dan il-wirt kulturali, storiku u legali nressquh dejjem eqreb iċ-ċittadin Malti u Għawdxi u t-turisti li jiġu jżuruna.

Il-Ministru Herrera nnota bi pjaċir li x-xogħol ta’ restawr wasal fl-aħħar fażi tiegħu u dawn il-binjiet maestużi jerġgħu jinsabu fil-glorja tagħhom. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li issa l-Atti Notarili li jmorru lura għas-seklu 15 ser jiffurmaw parti mill-Arkivji Nazzjonali. Huwa kompla li l-valur u l-preġju tagħhom huwa indispensabbli.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega kif minn nefqa totali ta’ madwar €5 miljuni, €4 miljuni ġejjin minn fondi Ewropej. Huwa qal li dan ir-restawr li qed isir fuq il-binja tal-Arkivji Nutarili fi Triq San Kristofru fil-Belt Valletta se jkun qed jintuża bħala mużew sabiex parti minn din il-kollezzjoni prezzjuża tkun esebita.

Hu qal ukoll li dan il-proġett se jkun qiegħed jinċentiva u jippromwovi ekonomija kulturali permezz taċ-ċentru tal-viżitaturi bħala attrazzjoni gdida għall-professjonisti minn madwar id-dinja, għat-turisti u għall-Maltin u l-Għawdxin.

Ekonomija

Sport