Tuesday, December 24, 2024

Il-proġetti ta’ The Brewhouse u Trident Park jiksbu premju fil-UK Civic Trust Awards

Aqra wkoll

Il-proġetti ta’ The Brewhouse u Trident Park, iddisinjati mill-periti magħrufa mad-dinja Ritchie*Architects, rebħu premju bit-titlu “Highly Commended” fis-Civic Trust Awards f’Manchester, il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2024.

Is-Civic Trust Awards huma stmati sew fl-industrija bħala marka ta’ eċċellenza għall-prattika arkitettonika, il-klijenti, l-iżviluppaturi, u l-organizzazzjonijiet kollha involuti fl-iżvilupp u t-twettiq tal-proġetti. Mill-1959, aktar minn 7,000 proġett domestiku u internazzjonali ġew rikonoxxuti bis-Civic Trust Awards. Fosthom hemm proġetti ta’ komunitajiet żgħar u oħrajn internazzjonali ikbar ta’ binjiet, pontijiet, infrastruttura, proġetti pubbliċi, u xogħlijiet tal-arti. L-iskemi kollha sottomessi għall-kunsiderazzjoni jiġu evalwati b’mod rigoruż u ġġudikati fuq il-mertu tagħhom. 

Din is-sena daħlu iżjed minn 320 sottomissjoni u ġew rikonoxxuti 69 proġett fl-Ingilterra, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, u l-Istati Uniti, fattur li jirrifletti l-firxa internazzjonali li qed ikomplu jilħqu dawn l-unuri kull sena.

Il-proġetti ta’ The Brewhouse u Trident Park kisbu l-unur ‘HIGHLY COMMENDED’ li jagħraf inizjattivi li jkunu taw kontribut sinifikanti lill-kwalità u d-dehra tal-ambjent mibni. Skemi li jiġu mfaħħra u onorati b’dal-mod huma xhieda ta’ standard għoli ta’ arkitettura jew disinn, sostenibbiltà, u aċċessibbiltà, u joffru kontribut ċiviku pożittiv.

Is-Sur Michael Farrugia, id-Deputat Kap Eżekuttiv (Negozju tax-Xorb) tal-Grupp Farsons, qal li: “Aħna tassew kburin u onorati b’din il-kisba prestiġjuża għall-eċċellenza arkitettonika tagħna, speċjalment meta tqis il-kwalità mill-aktar għolja tal-proġetti sottomessi. Dejjem ħlomna u ttamajna li nħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent mibni tagħna u l-komunità ta’ madwarna, u għalhekk sodisfatti immens li l-isforzi tagħna ġew rikonoxxuti u ppremjati b’dan il-mod.”

Rebbieħa oħra f’din il-kategorija jinkludu l-Power Station ta’ Battersea f’Londra, u Narbo Via f’Narbonne, Franza minn Foster + Partners. 

Fuq il-proġetti ta’ The Brewhouse u Trident Park, il-ġurija kkummentat hekk: “Dan hu eżempju mill-aqwa ta’ trasformazzjoni, tiġdid, u ta’ twelid mill-ġdid ta’ binja ikonika u ta’ wirt kulturali.”

Ekonomija

Sport