Wednesday, July 24, 2024

Disa’ persuni jiggradwaw mill-programm “Way to Work” tal-Aġenzija Sapport

Aqra wkoll

Disa’ persuni b’diżabilità ġew ippreżentati b’ċertifikat wara li matul l-aħħar sitt xhur attendew sessjonijiet offruti minn Aġenzija Sapport permezz tal-programm “Way to Work”. Iċ-ċertifikati tqassmu mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

Dan il-kors huwa intenzjonat sabiex jħejji lill-persuni b’diżabilità għall-impjieg billi jiffukkaw fuq ħiliet ta’ għajxien indipendenti u ħiliet oħra bżonnjużi fuq il-post tax-xogħol. Dan kien it-tielet grupp ta’ persuni b’diżabilità li temmew b’suċċess dan il-kors ta’ taħriġ u t-total ta’ parteċipanti li bbenefikaw minn dan il-programm sa mill-bidu tiegħu f’Novembru 2022 tela’ għal 34.

Minn dawn id-disa’ parteċipanti, li l-età tagħhom tvarja bejn is-16-il sena u t-42 sena, persuna diġà sabet impjieg. Uħud mill-parteċipanti ser ikomplu jirċievu taħriġ edukattiv billi jsegwu korsijiet oħra sabiex ikomplu jiffukaw fuq ċerti aspetti skont il-ħtieġa tagħhom, kemm minn entitajiet oħra kif ukoll mit-tim ta’ “Way to Work” fuq livell individwali.

Apparti t-taħriġ fi gruppi, il-programm “Way to Work” joffri sessjonijiet fuq bażi individwali sabiex wieħed ikun jista’ jiffoka fuq aspetti partikolari u jsaħħaħ ħiliet partikolari. Mill-bidu tas-servizz, kien hemm total ta’ 53 persuna b’diżabilità f’Malta u 5 f’Għawdex li bbenefikaw minn dawn is-sessjonijiet fuq livell individwali.


Il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza tax-xogħol fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità. “Ix-xogħol joffri dinjità. Bħala Gvern ninsabu impenjati biex inkomplu noffru taħriġ u noħolqu sistemi li jqarrbu lill-persuni b’diżabilità lejn id-dinja tax-xogħol. Din hija prijorità ewlenija tagħna favur il-kisba ta’ aktar inklużjoni. Inħares ’il quddiem biex nara aktar persuni jiggradwaw minn dan il-programm, iżda fuq kollox li narahom f’impjieg stabbli, li jfisser għajxien aktar indipendenti,” temmet tgħid il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna rrefera lejn il-ħidma bla waqfien tal-professjonisti fit-tim tal-Programm “Way to Work” sabiex isaħħu dan il-kors ta’ taħriġ u jilħqu persuni b’diżabilità u jtuhom is-sostenn li għandhom bżonn biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Faħħar ukoll l-impenn tal-parteċipanti li stinkaw u baqgħu jattendu għal dawn is-sessjonijiet b’mod regolari u b’entużjażmu, li għandu jkun ta’ ispirazzjoni għal persuni b’diżabilità oħra li għandhom il-ħajra li jkollhom impjieg. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri preżenti tas-sapport lil uliedhom u li emmnu fil-potenzjal tagħhom.

Sa mill-bidu tiegħu, il-programm laħaq ukoll 17-il ġenitur permezz ta’ sessjonijiet intenzjonati għall-ġenituri tal-parteċipanti bl-għan li jikkumplimentaw dak li jkun qed jingħadda lill-persuni b’diżabilità waqt li joffri spazju fejn il-ġenituri jistgħu jiddiskutu u jaqsmu ħsibijiet li jkollhom dwar l-inklużjoni ta’ wliedhom fid-dinja tax-xogħol.

Uħud mis-suġġetti li ġew diskussi waqt is-sessjonijiet jinkludu: kif tkun assertiv, l-etika fuq il-post tax-xogħol, kif tikteb CV, użu sikur tal-internet u tat-teknoloġija, l-immaniġġjar tal-flus, kif tfittex xogħol minn pjattaformi diġitali, kif iġġib ruħek waqt intervista għal xogħol, l-użu tat-trasport pubbliku, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Ekonomija

Sport