Wednesday, July 24, 2024

Il-Ministru Ian Borg il-mistieden speċjali waqt ħatriet uffiċjali tal-Istat f’San Marino

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, matul il-jum tat-Tnejn l-1 ta’ April, kien il-mistieden speċjali tal-Istat ta’ San Marino waqt il-ħatra ta’ Kaptani Reġġent fit-tmexxija tal-istess Repubblika.

Waqt diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Borg sostna li kien ta’ unur għalih li jilqa’ din l-istedina għaċ-Ċerimonja tal-Investitura tal-Eċċellenza Tagħhom il-Kaptani Reġent tar-Repubblika ta’ San Marino.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Borg sostna kif Malta u San Marino għandhom relazzjoni bilaterali b’saħħitha ferm u ż-żewġ stati għandhom l-għan li jkomplu jmexxu ’l quddiem il-valuri li jsawwru l-identitajiet taż-żewġ stati, fosthom il-viżjoni ta’ Mediterran, Ewropa u Dinja f’aktar paċi. “Malta u San Marino huma żewġ stati żgħar fl-Ewropa li lkoll għandna n-newtralità bħala parti essenzjali mill-politika barranija tagħna. Huwa għalhekk li għandna rwol kostruttiv sabiex nippromovu l-paċi, l-istabbilità u d-djalogu,” qal il-Ministru Borg.

Huwa sostna kif anke fuq bażi bilaterali qed isir xogħol importanti b’mod partikolari permezz tal-iffirmar tal-qafas bilaterali li permezz tiegħu qed jiġu msaħħa il-konsultazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, sabiex ikun hemm sinjal qawwi u b’saħħtu tat-tisħiħ ta’ dawn ir-relazzjonijiet fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru Borg ħa wkoll l-opportunità sabiex jagħti rendikont tax-xogħol importanti li qed jagħmel pajjiżna fl-isfera multilaterali, primarjament fejn jidħol il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u anke l-OSCE. Huwa fakkar kif anke matul l-2025, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.

Waqt li kien qiegħed f’San Marino, il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Luca Beccari, fejn kien hemm numru ta’ diskussjonijiet politiċi dwar it-triq ’il quddiem għar-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ Ministri ffirmaw Protokoll Addizzjonali dwar taxxa fuq id-dħul.

Bħala rikonoxximent, il-Ministru Borg ingħata d-dekorazzjoni ta’ Cavaliere di Gran Croce dell’Ordine Equestre di Sant’Agata.

Ekonomija

Sport