Saturday, December 21, 2024

Il-programm ta’ tilqim ta’ Malta mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Ikel Stella Kyriakides kellha kliem ta’ tifħir għall-programm ta’ tilqim ta’ Malta kontra l-Covid-19. 

F’laqgħa li kellha lbieraħ mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġewwa l-Ministeru tas-Saħħa, il-Kummissarju Kyriakides irringrazzjatu tal-koperazzjoni tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn li kienu ddominati mill-pandemija. 

Hija qalet li r-rispons li kellha l-Kummissjoni Ewropea mill-istati membri fil-mod kif ikkonfrontaw il-pandemija tal-Covid-19 ġab bidla sinjifikanti fis-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi membri.

Kyriakides qalet li lbieraħ kellha l-opportunità li żżur wieħed miċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni fejn hemmhekk tkellmet mal-membri tal-istaff, iċ-ċittadini Maltin u tfal u rat b’għajnejha l-mod kif qed isir it-tilqim. Hija żaret ukoll l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fejn faħħret il-livell ta’ kura li qiegħed jingħata minn dan l-Isptar.

Il-Kummissarju Kyriakides semmiet ukoll kif il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem mal-pajjiżi membri biex tilħaq kemm jista’ jkun pajjiżi oħra ‘l barra mill-Ewropa. Ma’ dan żiedet tgħid illi l-aċċess għall-mediċini se jibqa’ prijorità għall-Kummissjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta għandha rata għolja ta’ tilqim fejn 76% tal-popolazzjoni ‘l fuq minn 18-il sena ħadu l-booster. 

“Il-vaċċin huwa s-soluzzjoni biex nikkontrollaw il-firxa tal-pandemija. dan juri li l-vaċċin kien storja ta’ suċċess. Kien għalhekk li issa wasalna biex nirrilaxxaw ċertu restrizzjonijiet.”

“Ma nistgħux ngħidu li aħna ħielsa jekk ma jkunx kulħadd ħieles. Għalhekk l-Unjoni Ewropea trid taġixxi ta’ mexxej f’dak li jirrigwardja s-saħħa tan-nies. Huwa importanti li mhux biss il-pajjiżi Ewropej ikollhom aċċess għall-vaċċin iżda d-dinja kollha,” sostna d-Deputat Prim Ministru. 

Ekonomija

Sport