Saturday, December 21, 2024

Il-Protezzjoni Ċivili: Investiment bla preċedent

F’dawn l-aħħar erba’ snin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ngħata mbottatura kbira biex jerġa’ jieħu l-ħajja wara li għal żmien twil kien mitluq, minsi u meqjus bħala tat-tieni klassi. Dan sar wara li bdew jiġu indirizzati l-problemi li kienu identifikati f’analiżi profonda fit-tliet snin ta’ qabel. Sar pjan ħolistiku, viżjonarju u meqjus f’kull aspett li jirrikjedi investiment qawwi, mhux biss fil-vetturi u fl-apparat iżda wkoll fir-riżorsi umani.

Biżżejjed insemmu li fl-2019 sar reklutaġġ u 130 persuna ssieħbu fil-Forza. Dan kien is-sitt reklutaġġ u l-ikbar wieħed fl-istorja kollha tal-Protezzjoni Ċivili. B’hekk il-Forza rduppjat u pattiet għall-persuni li laħqu l-età pensjonabbli. Saru diversi promozzjonijiet f’kull rank sabiex l-istruttura tieħu d-dimensjoni tagħha. Il-motivazzjoni fost il-ħaddiema kompliet toktor meta wkoll għall-ewwel darba ġie ffirmat ftehim settorali ġdid is-sena li għaddiet, fejn kull ħaddiem minflok 46 siegħa ser jaħdem 40 siegħa ta’ xogħol fost bosta benefiċċji oħra.

Protezzjoni Ċivili

Wara snin twal ta’ stennija, fl-2015 il-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili bdew igawdu l-benefiċċju ta’ rtirar bil-pensjoni wara 25 sena servizz.

Dan apparti li f’dawn l-aħħar ftit snin il-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili bdew igawdu minn skema ta’ assigurazzjoni għall-korpi dixxiplinati. Wara snin twal ta’ stennija, fl-2015 il-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili bdew igawdu l-benefiċċju ta’ rtirar bil-pensjoni wara 25 sena servizz, kif ukoll li kull ħaddiem jista’ jagħżel liema union irid biex tirrappreżentah. Dan minbarra li fl-1 ta’ Marzu 2019, għall-ewwel darba wkoll, ingħatat il-midalja għal servizz twil u effiċjenti lil 96 membru tal-Protezzjoni Ċivili li għamlu 18-il sena fis-servizz filwaqt li 32 membru ngħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena servizz u 28 membru ngħataw is-second clasp li tingħata mat-30 sena servizz.

Protezzjoni Ċivili

L-attività fit-taħriġ f’dan id-Dipartiment rat żieda qawwija minħabba li hemm rikonoxximent u żieda sostanzjali fil-vot rikorrenti, u għalhekk qed ikun hemm investiment bla preċedent. Diversi ħaddiema ħadu taħriġ barra minn xtutna, saħansitra l-Kanada fejn ingħataw taħriġ ta’ salvataġġ f’temperaturi kesħin kif ukoll taħriġ speċjalizzat f’diversi fireschools rinomati fl-Ewropa fuq drones, nirien f’mini, nirien ġo vapuri, nirien f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku, HAZMAT, tsunami u sitwazzjonijiet ta’ diżastri oħra. Dan minbarra t-taħriġ lokali fejn laħqu instructors tal-first aid u l-ħaddiema kollha huma first aiders. Ukoll qed jingħata taħriġ fuq każijiet ta’ nirien f’bini għoli jew f’helicopter. Bħalissa għaddejjin ukoll korsijiet dwar inspectors fil-binjiet, train the trainer, taħriġ lis-sezzjoni tal-K9, taħriġ fuq l-abseiling u bosta taħriġ ieħor in-house.

Dan huwa dipartiment relattivament żagħżugħ, bi storja ta’ 21 sena biss.”

Fir-rigward ta’ apparat u vetturi, f’dawn l-aħħar snin inxtraw 26 vettura ġodda fjamanti mgħammrin bl-aqwa apparat, ġie akkwistat tagħmir tal-HAZMAT tal-ifjen kwalità li sewa €800,000, u sar investiment fl-istess ammont fis-Sezzjoni Umanitarja. Għall-ewwel darba nxtara wkoll apparat li l-ħaddiema jsibuh ta’ għajnuna fix-xogħol li jkun meħtieġ wara xi maltempata kbira. Qed isir investiment f’vetturi ġodda u moderni li bħalhom id-dipartiment qatt ma kellu, kif ukoll oħrajn li ser jieħdu post il-vetturi l-antiki.

Dan minbarra x-xiri tal-aħjar Personal Protective Clothing fis-suq biex il-ħaddiema jkunu dejjem protetti u titħares is-sigurtà tagħhom. Il-Gvern qed jinvesti €7 miljun fis-sena fil-vot kapitali biex jiżgura li jkomplu jinxtraw iktar fire engines, kif ukoll dinghies u fire boats ħalli t-Taqsima Marittima tkompli tissaħħaħ.
Rigward stazzjonijiet, saret pressjoni biex l-artijiet indikati jgħaddu f’idejn il-Protezzjoni Ċivili u sa issa ġew akkwistati l-artijiet f’Delimara, il-Furjana kif ukoll biċċtejn f’Ħal Far.

Protezzjoni Ċivili


Sadanittant hemm il-konferma u l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fl-inħawi ta’ Santa Venera u ieħor fil-Furjana u dawn ser ikunu siżmiċi. Sakemm ikun hemm il-konferma tal-artijiet oħra, ser isiru estensjonijiet fl-istazzjonijiet tax-Xemxija, ta’ Ħal Far u fil-Kwartieri Ġenerali f’Ta’ Kandja. Bħalissa hemm talba wkoll fuq l-istazzjon ta’ Għawdex u dak ta’ Paceville li qed jistennew il-konferma tal-Awtorità tal-Artijiet.

F’dawn l-aħħar snin id-Dipartiment għaraf iżomm ruħu aġġornat mal-progress teknoloġiku biex joffri servizz aktar effiċjenti u komdu lill-klijenti tiegħu, fost oħrajn bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ pagamenti online għal servizzi mogħtija mid-Dipartiment lis-settur privat. Sar ukoll investiment ta’ madwar €2 miljun bis-saħħa tal-programm Converge li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Dan l-investiment jikkonsisti f’sistema ġdida fil-Kamra tal-Kontroll (Emergency Disaster Managment System) li biha ser jitnaqqas sew ir-response time f’każ ta’ xi inċident.

F’dawn l-aħħar snin inxtraw 26 vettura ġodda fjamanti mgħammrin bl-aqwa apparat.”

F’dawn l-aħħar snin saru wkoll diveri MOUs ma’ entitajiet kbar u li minnhom il-Protezzjoni Ċivili qed ikollha riżultati tajbin ħafna. Fost dawn hemm l-MOU mal-MIP li bis-saħħa tiegħu jinġiebu Malta bowsers tal-40,000 litru u bowsers tal-20,000 litru ħalli jkun hemm kwantità kbira ta’ ilma dejjem disponibbli. Ftehim mal-Awtorità tal-Ippjanar issarraf fi trakk magħruf bħala Turn Table Ladder li jiswa kważi €700,000 u dan sabiex tibda l-preparazzjoni għal inċidenti f’bini għoli. Mal-Enemalta u l-Enemed ukoll hemm koperazzjoni kbira, fejn sa issa diġà saru żewġ għotjiet ta’ aktar minn €70,000 kull darba u li kienu jikkonsistu f’żewġ vannijiet u fi tliet settijiet ta’ Long Duration Breathing Apparatus. Infrastructure Malta wkoll qed tgħin ħafna għax bħalissa qed tnaddaf u tirranġa l-art li għandha l-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far biex ikollha kumpless kbir tat-taħriġ. Hawn ta’ min jgħid li t-taħriġ li sar mal-Kanadiżi seta’ jsir għax hemm MOU bejn iż-żewġ pajjiżi. Fl-2019 ġiet iffirmata wkoll Letter of Intent mas-Singapore Civil Defence Force fejn dawn ukoll ser ikunu ta’ għajnuna kbira biex il-proġett ħolistiku jkun implimentat kollu.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu fiduċja qawwija li bl-investiment li qed isir fih se jirnexxilu jlaħħaq mad-domanda li għandu quddiemu. Dan huwa dipartiment relattivament żagħżugħ, bi storja ta’ 21 sena biss, iżda bi pjanijiet ċari u rieda soda li jwettaqhom, biex jibqa’ joffri l-aqwa servizz lill-pubbliku.

Ekonomija

Aqra Wkoll