Il-konferenza internazzjonali tal-GWU kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Huwa qal li f’dawn l-aħħar 80 sena, il-protezzjoni soċjali, id-dinjità, is-sostenibiltà u l-innovazzjoni dejjem kienu fil-qofol tax-xogħol li għamlet il-GWU, filwaqt li sostna li m’għandux dubju li l-ħidma f’dan ir-rigward se tkompli fis-snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizza wkoll li qed ngħixu fi żmien fejn id-dinja tax-xogħol u dik diġitali qegħdin isiru dejjem aktar ħaġa waħda, kważi bla ebda distinzjoni bejniethom, kif ukoll innota li qed inqattgħu sigħat twal fuq il-mezzi diġitali tagħna.
“Irridu nżommu quddiem għajnejna li t-teknoloġija għandna nżommuha ħajja. Irridu nkomplu ninvestu fl-upskilling u d-downskilling tal-ħaddiema. Kien hemm ukoll żidiet fl-istipendji li se jkunu ta’ għajnuna għall-istudenti,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Huwa kompla jgħid li rridu nibqgħu naħdmu sabiex il-valuri tax-xogħol ikomplu jikbru. Irrikonoxxa d-dritt li kulħadd jistħoqqlu l-aħjar u għaldaqstant sostna li l-ħidma għandha tibqa’ għaddejja sabiex inkunu innovattivi u nipprovdu s-sigurtà lill-ħaddiema, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol jagħmlu. Qal ukoll li saħansitra f’Marzu li għadda twaqqfet il-Low Wage Commission.
Lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari wera apprezzament lejn ix-xogħol siewi mwettaq mill-General Workers’ Union, filwaqt li temm jgħid li l-Gvern se jkompl jaħdem id f’id mal-GWU sabiex flimkien jibqgħu jipprovdu għajnuna u sigurtà lill-ħaddiema kollha: “Jekk aħna rridu li d-dinja tax-xogħol tkompli timxi ‘l quddiem, irridu nkunu innovattivi fil-politika tagħna sabiex permezz tal-imsieħba soċjali u l-Gvern naħdmu għal futur aħjar tal-ħaddiema”.
Waqt l-istess konferenza tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo. Huwa ttratta l-importanza li nżommu l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali quddiem nett fil-lista ta’ prijoritajiet tagħna qabel ma nieħdu xi tip ta’ azzjoni.
“Irridu naraw li l-aspetti tal-ġustizzja soċjali jkunu preżenti f’kull azzjoni li nieħdu. Irridu nassiguraw li l-prezz tal-progress u l-innovazzjoni ma jħallsuhx dawk vulnerabbli … l-għażliet li nagħmlu llum se jsawru l-Malta ta’ għada”.
Castillo qal li diment li jkun hemm ħidma kollettiva, nistgħu naċċertaw ruħna li nsawru futur fejn l-ebda persuna ma titħalla lura.