Friday, November 15, 2024

IL-PROTEZZJONI TAL-AMBJENT

Aqra wkoll

Kontinwament nisimgħu ilħna u naqraw rapporti dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Min isemmi l-arja, min isemmi t-teħid tal-art, min iffokat fuq il-baħar u min fuq oqsma oħra bħal importanza li nirriċiklaw jew fuq l-enerġija alternattiva. Kollha argumenti li jsiru b’risq l-ambjent.

Mhemmx dubju li llum, b’differenza minn qabel, il-kuxjenza ambjentali fost il-poplu tagħna żdiedet bil-kbir. Imma fir-realtà kemm aħna lesti li aħna stess individwalment nieħdu miżuri biex nipproteġu l-ambjent? Kemm lesti nissaggrifikaw għall-ambjent? Kemm bdilna l-mentalità biex innaqqsu l-ħela u l-pressjoni fuq l-ambjent?

Lil hinn minn dan kemm aħna lesti li nibdew nagħmlu l-qalba tal-villaġġi tagħna, żoni ħielsa mill-karozzi? Kunċett li kull meta ssemma’ ħoloq polemika f’dak ir-raħal jew belt. Finalment spiċċa ma sar xejn. U dan għax il-komunità kummerċjali toqmos għax hi taħseb li se jintilef il-bejgħ u sezzjoni tan-nies jilmentaw għax aħna poplu li anke għal distanzi qosra rridu nużaw il-karozza.

Fuq kollox kemm aħna lesti li nibdlu l-istil ta’ ħajja tagħna biex verament nipproteġu l-ambjent? Nemmnu li dawn kollha huma mistoqsijiet li għandhom isiru jekk verament irridu nagħmlu differenza fejn tidħol il-protezzjoni tal-ambjent.

Kull ma rridu nagħmlu hu li nħarsu madwarna u nistaqsu. Jien x’qed nagħeml biex verament nippreserva l-ambjent. X’qed nagħmel biex nara li bil-ftit ma nħassarx l-ambjent.

Qegħdin ngħidu dan għax f’dan pajjiżna ittieħdet miżura li bla dubju kellha tgħin biex tnaqqas it-traffiku. Biex jonqsu l-emissjonijiet. Din hi dik ta’ trasport pubbliku b’xejn. Imma r-realtà hi li xorta għad għandek ħafna persuni u familji li jippreferu jużaw l-karozzi tagħhom. Jgħidulek li ma jridux jużaw tal-linja u għal dan iġibu kull skuża.

Sitwazzjoni li minħabba fiha spiss nispiċċaw b’toroq litteralment iġġamjati, problemi kbar ta’ parkeġġ. Dan meta għandna sistema ta’ trasport li twasslet f’kull parti tal-gżira u li għaliha m’hemmx ħlas.

Tista’ tgerger dwar it-tħassir tal-ambjent. Tista’ tgerger fuq il-konġestjonijiet tat-traffiku. Imma qabel tippona is-swaba jew issib l-iskużi, ħares lejk innifsek u ara x’qiegħed tagħmel.

L-istess fejn jidħol l-elettriku. Għandna elettriku li l-Gvern qiegħda jerfa’ l-piż u jissussidja. Dan ma jfissirx imma li naħlu u niġu naqgħu u nqumu mill-konsum. Jekk kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu u jnaqqas il-ħela fl-elettriku, mhux biss wieħed ikun qed jgħin l-ambjent imma anke jgawdi finanzjarjament il-pajjiż.

Anki fejn jidħol l-iskart. Kemm qegħdin naraw li nagħmlu sforz biex inaqqsu l-iskart. Biex nirriċiklaw materjal flok jintrema. Kemm qegħdin naraw li nisseparaw l-iskart?

Nemmnu li lil hinn minn diskorsi dwar l-ambjent u l-protezzjoni, l-ewwel azzjoni irridu neħduha kull wieħed u waħda minnha. Dan billi nħarsu madwarna. Naraw kif qegħdin ngħixu. Naraw il-ħela. Naraw kif nistgħu verament nikkontribwixxu dak il-ftit tagħna. Il-ftit tal-ħafna jagħmel differenza kbira.

Ekonomija

Sport