Friday, February 27, 2026

IL-PROTEZZJONI TAL-ILSIEN MALTI

Aqra wkoll

Il-qagħda tal-ilsien Malti kien hemm żminijiet meta kienet iċ-ċentru ta’ dibattitu bejn sezzjonijiet differenti tal-poplu. Kien hemm, kif għad hawn min jgħid sal-lum, li l-ilsien Malti ma jdumx ma jkun lingwa li ntilfet. Oħrajn jgħidu li dan mhuwiex il-każ imma li llum hawn aktar għarfien dwar il-ħtieġa li nipproteġu u nużaw kemm jista’ jkun il-lingwa ta’ artna. 

Bla dubju huwa tajjeb li l-poplu Malti huwa magħruf bħala poplu multi-lingwistiku, tant li hawn Maltin li jafu jitkellmu b’għadd ta’ lingwi u mhux wieħed biss. Huwa tajjeb għaliex il-lingwi huma l-iprem mezz ta’ konversazzjoni u komunikazzjoni.

F’dawn l-aħħar snin ta’ min japprezza l-imbuttatura li ngħatat il-lingwa tagħna bit-twaqqaf ta’ entitajiet u istituzzjonijiet li lkoll ħadmu, kif għadhom jagħmlu biex l-ilsien Malti jibqa’ ħaj b’attivitajiet kulturali, artistiċi u lingwistiċi fosthom id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università.

Fuq livell kulturali, huwa ta’ min ifaħħar l-inizjattiva li kienet ittieħdet madwar sitt snin ilu meta ġie organizzat għall-ewwel darba l-festival Mużika Mużika. Dan il-festival l-għanijiet proprji tiegħu kienu biex jesponi aktar it-talent Malti mal-pubbliku inġenerali u fuq kollox jindokra wkoll is-sbuħija tal-ilsien Malti. 

Meta qed insemmu l-Mużika Mużika, ma rridu bl-ebda mod indgħajfu l-importanza ta’ festivals oħra tal-kanzunetta Maltija li kienu jsiru fis-snin l-imgħoddija. Xejn minn dan. Anzi dawn il-festivals tal-imgħoddi minnhom issawru f’kantanti li matul is-snin mhux biss kabbru l-fama tagħhom imma ġew stabbiliti b’mod konkret fil-qafas tal-kultura Maltija u anke ’l barra minn xtutna. 

Fil-kuntest tal-ilsien Malti, ma nistgħux inħallu barra wkoll lil dawk il-Maltin li ċ-ċirkostanzi li kienu fihom ġegħeluhom jemigraw u jħallu lil dan il-pajjiż biex ifittxu futur f’pajjiż ieħor fosthom fl-Awstralja, l-Amerika, il-Kanada u l-Ingilterra. 

Il-ħidma ta’ dawn il-Maltin emigranti huwa ta’ min ifaħħarha u jinkoraġġiha għaliex qed isaħħu l-għeruq tal-lingwa tagħna tant li minkejja l-għexieren ta’ snin li ilhom imbegħdin minn din l-art, mhux biss għadhom jgħożżu l-ilsien Malti billi jitkellmuh kontinwament – imma wkoll speċjalment fl-Awstralja – ħolqu klassijiet apposta għat-tagħlim tal-Malti ma’ dawk l-ulied ta’ ġenituri Maltin li twieldu fil-pajjiż rispettiv. 

L-importanza tal-ilsien Malti tinsab ukoll fil-fatt li dan huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali mitħadta fl-Unjoni Ewropea, anke jekk huwa l-uniku lsien semitiku fl-UE kollha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport